“Il-każ ta’ Salvu Bonnici huwa każ diffiċli, u ma tantx kellna leads fuqu”. Hekk qalilna s-Supretendent tal-Vice Squad fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, Johann Joseph Fenech meta tkellem ma’ dan l-istazzjon dwar il-każ ta’ Salvu Bonnici, li ilu nieqes sa mis-sajf li għadda.
“L-istħarriġ għadu għaddej u peress li l-każ għadu miftuħ ma tantx nista’ nidħol fid-dettall tiegħu. Huwa każ naqra diffiċli, ma tantx kellna leads u informazzjoni u għalhekk għadna qed naraw l-affarjiet kif qed jiżviluppaw. Ma tantx għandna leads u jekk hawn xi ħadd li jista’ jgħin, jista’ jagħmel dan u jikkuntatjana”
Salvu Bonnici, li għandu 70 sena, huwa residenti l-Gudja. U ilu rappurtat nieqes mill-1 ta’ Lulju.
L-appell tal-Pulizija jibqa’ wieħed – li min għandu informazzjoni jgħaddiha mill-ewwel, għaliex il-każ ta’ dan l-anzjan għadu miftuħ. U wieħed jista’ jgħaddi informazzjoni lill-pulizija billi jirraporta b’mod anonimu fuq in-numru 21224001 jew permezz ta’ email fuq vice.police@gov.mt
Is-Supretendent Fenech fisser ma’ Net News li f’Malta każ bħal dan jibqa’ miftuħ sakemm il-persuna tinstab; dan b’differenza ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa.
“Għandna persunu li ilhom snin nieqsa, l-investigazzjoni għaddejja, fis-sens, li hemm il-file, u meta jkollna informazzjoni oħra, mill-ewwel tissokta sew il-ħidma, però qabel dal-persuna ma tinstab, qatt ma nistgħu ngħidu l-każ huwa solvut”
Is-Supretendent Fenech saħaq li fejn jidħlu stejjer ta’ persuni rraportati nieqsa għal snin twal tkun aktar diffiċli għalihom biex isibuhom. Iżda insista li l-ebda każ ma’ jitpoġġa fuq l-ixkaffa sakemm ikun solvut.
//= $special ?>