Lokali

Il-persuni barranin li jgħixu f’Malta qabżu l-115,449

Aktar minn wieħed minn kull ħames persuni li jgħixu f’pajjiżna huma ta’ nazzjonalità barranija. Fil-fatt, il-barranin jammontaw għal 115,449 – żieda  ta’ ħames darbiet fl-aħħar għaxar snin.

Dan kien konfermat fl-ewwel volum tar-rapport finali taċ-ċensiment nazzjonali li ġie ppubblikat il-Ħamis, liema ċensiment kien sar lejn l-aħħar tas-sena 2021.

Sa Novembru ta’ dik is-sena, il-popolazzjoni fil-gżejjer Maltin kienet tlaħħaq 519,562 persuna… bil-popolazzjoni tirdoppja f’dawn l-aħħar mitt sena. U fl-aħħar għaxar snin din żdiedet b’100,000 persuna.

Fis-sena ta’ qabel ma sar iċ-ċensiment daħlu Malta kważi 15,000 persuna, b’iktar minn nofshom kienu ġejjin minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea.  Dan filwaqt li iktar minn 18,500 persuna biddlu ir-residenza tagħhom.

Fost l-iktar punti importanti li ħarġu minn dan iċ-ċensiment kien hemm li Malta huwa l-iktar pajjiż fl-Ewropa li għandu popolazzjoni densa skont l-kobor ta’ art li għandu.

Għall-ewwel darba … dan iċ-ċensiment wera li f’pajjiżna hawn aktar irġiel milli nisa filwaqt li l-eta medja hija dik ta’ 41.7 snin, hekk kif minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, Malta għandha fost l-iktar popolazzjoni żagħżugħa. Għalkemm l-età medja tal-Għawdxin hija ftit iktar għolja minn dik ta’ Malta… 43.8 snin.

Fatt interessanti ieħor hu li aktar minn 373,000 persuna li ħadet sehem fiċ-ċensiment iddikjarat li tħaddan reliġjon Kattolika – madwar 82% tal-popolazzjoni Maltija. Dan filwaqt li aktar minn 17,000 qalu li jħaddnu l-Islam u madwar 16,000 ir-reliġjon Ortodossa.