L-isptarijiet fl-inħawi ta’ Aleppo mgħandhomx biżżejjed spazju għall-mijiet tal-midruba li għadhom qed jitwasslu f’dawn il-kumplessi wara t-terremot devastanti tas-6 ta’ Frar li ħalla kaos, straġi u mijiet tal-imwiet fis-Sirja u t-Turkija.
Wieħed mill-isptarijiet taz-zona – l-Isptar ta’ Al-Razi – ma jistax jieħu aktar sodod għall-midruba, bis-swali u sezzjonjiiet oħra tal-kumpless jinsabu mballati bin-nies u meta mistennija jaslu dejjem aktar midruba mit-terremot.
Hawnhekk ukoll qed tiżviluppa traġedja umana oħra peress li l-midruba lanqas ma jistgħu jintbagħtu d-dar ladarba jingħataw il-kura peress li l-belt ta’ Aleppo tant ġarrbet ħsarat fit-terremot li l-midruba mgħandhom imkien fejn imorru.
Dan meta l-isptarijiet qed ikollhom ilaħħqu, f’qasir żmien, mal-ammonti ‘impossibbli’ tal-pazjenti u meta hemm nuqqas akut ta’ mediċini u riżorsi oħra – fosthom it-tagħmir mediku għat-trattament tal-ksur tal-għadam.
It-terremot kbir tas-6 ta’ Frar—li rreġistra 7.8 fuiq l-Iskala Richter — s’issa, irriżulta fi kważi 5,000 mewta u aktar minn 8,000 midruba fil-majjistral tas-Sirja; biċ-ċifra tal-vittmi mistennija tkun ferm akbar.
Irriżultaw ukoll l-għexieren tal-eluf ta’ mejtin u midruba fin-nofsinar tat-Turkija li wkoll ġarrab l-agħar effetti tat-theżżiża storika.
//= $special ?>