Lokali Transport

Ittra miftuħa biex isir disinn mill-ġdid ta’ Triq l-Imġarr ħalli tingħata prijorità lis-sigurtà u l-effiċjenza taċ-ċiklisti u dawk li jkunu mexjin

Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, u Rota bagħtu ittra lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, il-Brigadier Jeffrey Curmi, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, is-Sur Ivan Falzon, jitolbu li r-responsabbiltà politika tintrefa’ għall-falliment tal-korsija tar-roti fi Triq Sir Temi Żammit, l-Imġarr, biex iċ-ċiklisti jinżammu siguri.

Il-Ħadd 12 ta’ Frar, ċiklist weġġa’ gravi f’ħabta ma’ karozza waqt li kien qed juża l-korsija tar-roti fi Triq Sir Temi Żammit, li twassal għall-Imġarr. Din hija triq li saret mill-ġdid minn Infrastructure Malta fl-2021, taħt l-awtorità ta’ Transport Malta u l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, kontra r-rakkomandazzjonijiet infurmati mill-NGO lokali Rota.

L-organizzazzjonijiet jinnutaw li dan mhux l-ewwel inċident li jenfasizza l-insuffiċjenza ta’ din il-“korsija għaċ-ċiklisti” ġdida, u l-ittra miftuħa tagħhom issegwi ‘l fuq minn sentejn ta’ għajta pubblika mill-komunità taċ-ċikliżmu dwar l-istat perikoluż tal-infrastruttura taċ-ċikliżmu f’din it-triq. Issa, ċiklist kellu jbati l-inkompetenza tax-xogħol tal-awtoritajiet. L-għaqdiet qed jitolbu li r-responsabbiltà politika tintrefa’ u jtennu mill-ġdid li t-triq terġa’ ssir b’konformità mal-aħjar prattiki biex l-utenti kollha tat-triq jinżammu siguri.

L-inċident tal-Ħadd seta’ jiġi evitat faċilment kieku s-suġġerimenti ta’ Rota ta’ korsijii għar-roti segregati ttieħdu mill-bidu, meta ġew ikkonsultati minn Infrastructure Malta waqt il-fażi tal-ippjanar ta’ din it-triq fl-2020. Huwa kompletament inaċċettabbli li Infrastructure Malta naqqset il-proċess ta’ konsultazzjoni għal eżerċizzju ta’ tick boxing. Flimkien ma’ nuqqas sħiħ ta’ politika infurzabbli dwar l-infrastruttura taċ-ċikliżmu minn Transport Malta, Triq l-Imġarr fiha dik li possibbilment hija l-inqas korsija tar-roti li tista’ tintuża fil-gżira, tant dejqa li ġġiegħel liċ-ċiklisti jerġgħu jingħaqdu mal-karozzi li jkunu għaddejjin b’veloċità qawwija f’diversi punti.

Dan jirrappreżenta pass lura, mhux ‘il quddiem, fl-inkoraġġiment tal-użu ta’ mezzi attivi tat-trasport u fis-sikurezza tal-utenti kollha tat-triq. Hija tal-mistħija li din il-“korsija tar-roti” fi Triq Sir Temi Żammit inżammet minkejja l-għajta mill-pubbliku, u li l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali ma qalx kelma dwar is-sitwazzjoni fit-tlett ijiem minn dan l-aħħar aċċident.

Fudamentalment, l-ippjanar tat-toroq għandu jfittex li jiżgura s-sikurezza għall-utenti kollha u jindirizza l-problema tad-dipendenza fuq il-karozzi privati. Żieda fil-penali waħedha mhux se tipprevjeni inċidenti fatali jekk l-infrastruttura tat-toroq tagħna tkompli tinkoraġġixxi l-karozzi a skapitu tal-mezzi l-oħra kollha tat-trasport.

Għalhekk qed nitolbu li jinbdew minnufih ix-xogħlijiet ta’ disinn mill-ġdid ta’ Triq Sir Temi Żammit, skont standards internazzjonali tal-infrastruttura taċ-ċikliżmu, bħall-pjan propost mill-organizazzjoni Rota, biex ma jseħħux aktar inċidenti evitabbli f’din it-triq.

Nistennew ukoll il-pubblikazzjoni ta’ standards nazzjonali għall-infrastruttura taċ-ċikliżmu, f’konformità mal-ogħla standards internazzjonali, biex jiġi żgurat li fil-futur il-fondi pubbliċi ma jinħlewx fuq infrastruttura substandard u perikoluża.