Għawdex Lokali

Jerġa’ jinqata’ d-dawl, din id-darba f’Għawdex

L-Enemalta titfa' l-ħtija fuq kuntrattur

Fl-aħħar ħin mill-ġdid reġat marret il-provvista tal-elettriku, u għal darb’oħra kien imiss Għawdex.

Akkost li llum ma hemmx maltemp, għal xi raġuni l-provvista tal-elettriku tinsab maqtugħa f’Għawdex u f’Kemmuna, bis-sitwazzjoni tħalli lill-Għawdxin lampa stampa fl-eqqel tal-ġurnata.

Jiem ilu l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ma weġbitx dwar x’seħħ nhar il-Ħamis li għadda waqt il-maltempata ta’ lejliet San Pawl, meta t-tanker tal-gass f’Delimara kellu jinħareġ ‘l barra mill-moll u għalhekk l-enerġija kienet tiddependi biss minn fuq l-interconnector tant li nqata’ d-dawl għal numru ta’ sigħat.

Fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut staqsa lill-Ministru Miriam Dalli f’liema ħin it-tanker inqala’ minn mal-moll, kemm dam il-proċess biex it-tanker ikun ankrat mill-ġdid u kemm l-interconnector ta enerġija lill-Enemalta sal-Ħadd filgħodu.

Intant ftit wara li ppubblikajna din l-istorja, f’post fuq Facebook l-Enemalta qalu li l-Inġiniera u t-tekniċi tagħna qegħdin jaħdmu biex ireġġgħu lura l-provvista tal-elettriku f’Għawdex u qalu li n-nuqqas sar wara li kuntrattur li kien qed jaħdem “għal terzi fil-Mellieħa” u laqat il-cables ta’ vultaġġ għoli li jissupplixxu lil Għawdex.

Fi stqarrija l-Enemalta qalet li l-provvista tad-dawl f’Għawdex ġiet lura għan-normal wara li kuntrattur laqat xi cables ta’ 33 kV fil-Mellieħa.