Indjan ta’ 28 sena, residenti l-Fgura inżamm arrestat mill-Maġistrat Leonard Caruana wara li ġie mixli li nhar is-Sibt, 11 ta’ Frar, stupra mara Amerikana waqt li kien qed jagħtiha massage fi SPA ta’ lukanda f’San Pawl il-Baħar. Clins Douglas Moses, li qal li jaħdem full-time bħala Machine Operator wieġeb mhux ħati li kkommetta reat ta’ stupru permezz ta’ subgħa, li żamm lill-mara kontra l-volontà tagħha u li kkommetta reat mingħajr il-kunsens tal-allegata vittma.
Hekk kif tressaq il-Qorti d-difiża qalet li ma kinitx qed tikkontesta l-validità tal-arrest. Dwar dak li wassal għall-arrest l-Ispettur John Spiteri qal li nhar is-Sibt, il-Pulizija daħlilha rapport li Amerikana, residenti f’lukanda, għażlet li tmur għal massage fl-iSPA ta’ l-istess lukanda.
Fuq talba tad-difiża l-Qorti ordnat li l-media ma ssemmix f’liema lukanda seħħ l-allegat reat. L-Ispettur Spiteri qal li waqt il-massage Moses għamel avvanzi sesswali li ovvjament ma kienux mixtieqa mill-mara. Hi spjegat mal-Pulizija li l-imputat kien ippenetraha vaġinalment b’wieħed mis-swaba tiegħu, u li għamel ħalqu ma’ sidiriha. Qalet li hi dak il-ħin ħassitha xxokkjata u wara li qaltlu biex jieqaf, telqet mill-post u mill-ewwel għamlet rapport lill-Pulizija.
L-Ispettur qal li nkiseb mandat ta’ arrest u saret tfittxija fil-konfront tiegħu u li dan kollu seħħ nhar l-Erbgħa. Il-Prosekutur qal li l-allegata vittma kellha t-titjira ppjanata lura lejn il-pajjiż fejn qed tgħix preżentament fl-Ewropa u u fil-fatt ħalliet Malta.
Huwa qal li l-alkużat kien dettaljat biex imur lura għax-xogħol l-għada l-Ħadd, iżda baqa’ ma marx fl-iSPA fejn huwa jaħdem bħala part-time. Instab ukoll li l-inidirzz li kellu ma kienx għadu jirrisjedi fih u kull tentattiv li għamlet il-Pulizija biex jiġi rintraċċat, anke permezz tal-mobile, falla, għax kien tfih.
L-Ispettur Spiteri qal li l-Pulizija skoprew li kien jaħdem ma’ kumpanija oħra u minn hemm ġie arrestat. Fuq talba tal-Prosekuzzjoni, l-Qorti ordnat li d-dettalji rigward l-allegata vittma, bħal isimha u fejn toqgħod fl-Ewropa, għandhom jinżammu milli jiġu pubblikati fil-media lokali.
Saret talba mill-Avukat Alfred Abela għad-difiża biex il-klijent tiegħu jingħata l-pleġġ fejn staqsa lill-Ispettur jekk hemmx xhieda pajżana u dan qallu li fuq il-kommissjoni tar-reat le, għax huma biss kienu hemm. Il-Prosekuzzjoni kkonfermat ukoll li saret tfittxija fir-residenza tiegħu.
L-Ispettur Spiteri qal li huwa kien qed jopponi għall-pleġġ fejn saħaq li huwa minnu li hemm il-preżunzjoni tal-innoċenza f’dan il-każ u li mhux se jidħol jekk dan joqgħodx għall-kundizzjonijiet tal-bail u l-fedina penali tiegħu u mhux se jkun astratt.
Tenna iżda li hemm l-biża li jħalli Malta u jaħrab il-kors tal-ġustizzja. Kompla li meta kien mistoqsi għaliex ma marx xogħol il-Ħadd, l-għada tal-allegat inċident, qal li kien jaf li ġara xi ħaġa u ma ħassux komdu jmur xogħol. “Waqt l-investigazzjoni minn nhar il-Ħadd sal-lum kien qed jagħmel kuntatti ma’ persuni barra minn Mata, fosthom l-Italja u Spanja dwar xogħol u kien qed jikkunsidra li jibda negozju ta’ SPA. Qal li dan kollu huwa dokumentat fuq il-mobile tal-imputat.
L-Ispettur qal li huwa minnu li Malta għandha ftehim biltaterli ma’ l-Indja, pero wieħed jista’ jifhem li dawn jieħdu ż-żmien u mhux dejjem ikunu produttivi. Raġuni oħra hija l-biża ta’ intraċċ tal-provi. Huwa minnu wkoll qal ix-xhud li l-inkjesta Maġistrerjali semgħet ix-xhieda tal-mara u ħafna mill-evidenza li l-Pulizija kellha tiġbor, ġabritha.
Kompla li l-espert tekniku ġabar xi filmati minn cameras, anke’ ta’ hekk kif il-mara ħarġet mill-post, imma dawn ma kienux qed jirrekordjaw għax kienu biss live cameras. Qal li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest huwa jkun jista’ jikkomunika ma’ nies li jafuh, waħda minnhom il-boss tiegħu u tnejn oħra li jaħdmu miegħu, u li dawn għad iridu jixhdu.
L-Ispettur Spiteri qal li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest il-kors tal-ġustizzja ma jsirx kif suppost għax dawn għad iridu jixhdu. Kompla li llum bil-meżżi elettroniċi hu jista’ jikkomunika ma’ xhieda jinsabu fejn jinsabu. Qal ukoll li għal xi raġuni hemm in-numru tal-mobile tal-allegata vittma rreġistrat fuq il-mobile tiegħu.
Meta kellmuh il-Pulizija hu stess qal li jista’ jkun li n-numru huwa tagħha, allura b’dan il-fatt f’dan l-istadju huwa wisq prematur li jingħata l-pleġġ. L-Avukat Alfred Abela għad-difiża qal li l-Ispettur qal li ma kienx se jitkellem fl-astratt u ħlief fuq l-astrat ma tkellimx.
Tenna li allegatament dan kollu seħħ is-Sibt għax fejn għaddew ħames t’ijiem biex ikellimha, kieku ried ikellimha u ma kellimhiex, kieku ried kellu ċ-ċans jaħrab mill-pajjiż u hawn baqa’, u fejn marru jarrestaw? “Mhux ix-xogħol marru jarrestawh?”, qal l-Avukat. Tenna li ċ-ċirkostanzi tal-inċident qed jingħad li seħħew ħames ġranet qabel. “Ma għandna l-ebda nitfa ta’ prova li ġara xi ħaġa,” qal l-Avukat Abela.
L-Ispettur Spiteri qal li kien qed jaqbel ma’ dak kollu li qal l-Avukat, imma dak kollu li ġara kien li kien qed jistudja jekk hemmx rapport fil-konfront tiegħu. “Issa jaf li għandu tumakka fuq rasu. Ma kienx jaf x’se jiġri u kien jaf li kellha titlaq l-għada, kien qed jistudja jara x’se jiġri, ma marx xogħol għax kien imħasseb. Ma marx għax kien jaf li hemm il-problemi.”
Il-Qorti wara li semgħet is-sottomissjonijiet qieset li f’dan l-istadju għandha tiċħad il-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża reali li l-imputat jitlaq u l-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi, ta’ l-anqas dawk pajżana. Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-Prosekuzzjoni biex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fir-rigward tal-allegata vittma, bl-ordni li tibqa’ fis-seħħ sad-data tas-sentenza finali jew jekk tiġi revokata minn xi Qorti.
Preżenti fl-awla kien hemm uffiċjali mill-Ambaxxata Amerikana fosthom l-uffiċjal konsulari tal-Istati Uniti Laura Sanders u Stephen Mallia, mis-Service National Investigation Unit u dan għall-interessi tal-parte civile. L-Ispetturi John Spiteri u Ryan Vella mexxew il-Prosekuzzjoni minn naħa tal-Pulizija, filwaqt li l-Avukat Sean Gabriel Azzopardi irrappreżenta l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Alfred Abela u Renè Daramanin dehru għall-akkużat.
Il-Qorti ordnat lill-akkużat biex jesibixxi l-passaport u permess ta’ residenza u wissietu biex bl-ebda mod ma jikkomunika ma’ l-allegata vittma u xhieda tal-prosekuzzjoni, għax jekk jagħmel hekk hemm imdendla fuq rasu multa €7,000.
//= $special ?>

