Il-Gvern ta’ Robert Abela qed ikompli jdaħħal aktar taxxi indiretti fuq il-poplu Malti. Din id-darba kien imiss multa ta’ €500 li s-sewwieqa tal-mini buses stess qed isejħulha “taxxa ġdida”.
Numru ta’ sewwieqa tal-mini buses li tkellmu ma’ Net News spjegawlna kif qed jispiċċaw jeħlu multa ta’ €500 sempliċiment għax matul il-ġurnata jipparkjaw il-vettura tagħhom f’kaxxa bajda, u jħalluha weħidha għal ftit minuti. Tant li issa dawn spiċċaw qas biss jistgħu jmorru jixtru xi ħaġa tal-ikel fil-break tagħhom jew imqar sat-toilet.
Anke sewwieqa ta’ cabs tkellmu ma’ Net News u kkonfermaw li huma wkoll weħħlu din iċ-ċitazzjoni li sejjħu bħala “taxxa inġusta”, b’wieħed mis-sewwieqa jgħidilna li “basta l-Gvern jiftaħar li jagħmel Budget bla taxxi!”
Wieħed mix-xufiera tal-mini buses insista li din il-mossa tmur kontra d-drittijiet bażiċi tal-ħaddiema. Dan kollu qed iqajjem rabja kbira fost dawn ix-xufiera tal-cabs u l-mini buses – li għandhom il-vettura tagħhom b’Y plate – hekk kif din il-multa indirettament hija “taxxa ġdida” li qed tkompli żżidilhom l-ispejjeż.
Intant, sal-lum il-ġurnata diversi sewwieqa tal-mini buses għadhom ma tħallsux għas-servizz li qed jagħtu lill-istudenti tal-iskejjel.
//= $special ?>