Il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ għajnuna minn għadd ta’ kumitati sezzjonali u kif ukoll il-programm ta’ Net TV ‘Ġimgħa b’Ġimgħa’ rnexxielu jiġbor għadd ta’ oġġetti essenzjali biex il-Ħamis waranofsinhar setgħu jittieħdu fil-kumpless tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far – għajnuna li se tmur għaz-zoni li ġew milquta mit-terremot qawwi tal-ġimgħa li għaddiet.
Fil-post tkellimna wkoll mal-ambaxxatur tat-Turkija f’Malta Erdeniz Şen illi rringrazzja lill-Partit Nazzjonalista u lill-poplu kollu għal dan il-ġest.
“Nirringazzja lill-poplu Malti li huwa tant ġeneruż. Malta għandha qalb kbira u ma nistax insib kliem mistħoqq biex nirringrazzjakom”
Net News tkellem ukoll mas-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino fejn spjegalna kif meta jiġru avvenimenti bħal dawn dejjem jidher kemm hi kbira l-qalb ġeneruża tal-poplu Malti u Għawdxi.
“Naħseb il-poplu bħala poplu solidari għen mill-qalb lil dawn il-poplI. Il-PN permezz tad-Deputat Graziella Galea u l-programm ta’ Net TV ‘Ġimgħa b’Ġimgħa rnexxielu jiġbor dawn l-oġġetti tant essenzjali. Illum kien ta’ unur li ġejna nippreżentaw din id-donazzjoni ta’ oġġetti kruċjali biex jittieħdu fil-bnadi l-aktar milquta minn dawn it-terremoti”
Graziella Galea, il-kelliema tal-PN għall-Volontorjat qalet li l-inizjattiva li nediet bi sħab mal-programm ‘Ġimgħa b’Ġimgħa’, bi produzzjoni ta’ Lorraine Sultana rnexxielha tiġbor ammont tajjeb ta’ oġġetti li se jkunu qed jgħinu lill-vittmi tat-terremot.
“Kien messaġġ sabiħ, kemm aħna l-Maltin nafu ningħaqdu flimkien biex nagħtu l-għajnuna, nirringrazzja lil dawk kollha li taw l-għajnuna. Il-feedback kien tajjeb u ġbarna ammont sabiħ biex ngħinu lill-vittmi ta’ dawn it-terremoti”
Intant il-Protezzjoni Ċivili spjegat ma’ Net News li jeħtieġ aktar voluntieri biex imorru Ħal Far bejn id-9am u t-8pm u jagħtu daqqa t’id biex dawn l-oġġetti jiġu preparati, ħalli jitwasslu fil-postijiet fejn seħħew it-terremoti.
//= $special ?>