Hemm indikazzjonijiet ġodda li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea qed jaqblu li jitħaffef il-proċess intiż għat-trasferiment ta’ aktar armamenti lill-Ukrajna biex din tirreżisti aħjar l-attakki tar-Russja.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky ilu ħafna jitlob l-armamenti ta’ ċertu kalibru – inklużi l-fighter-jets – mingħand il-Punent, bil-ħsieb li jwaqqaf l-avvanzi tar-Russi fil-lvant u n-nofsinar tal-Ukrajna.
Madankollu pajjiżi bħall-Ġermanja – li qed tibgħat it-tankijiet tal-gwerra sofistikati lill-Ukrajna — mhumiex lesti li jiddibattu t-trasferiment tal-ajruplani militari lejn l-artijiet Ukreni u fost l-inkwiet li dan iwassal għal ‘dimensjoni ġdida fil-gwerra’.
Madankollu, lanqas mhu eskluż li s-sitwazzjoni tinbidel, bir-Rappreżentant tal-UE għall-Politika Barranija Josep Borrell isostni li l-armamenti huma l-uniku mezz biex l-Ukreni jiddefendu ruħhom bil-massimu tal-kapaċitajiet tagħhom.
Dan intqal ftit jiem biss qabel il-laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti li se ssir fi New York …Laqgħa li għandha ssir taħt it-tmexxija ta’ Malta, li bħalissa għandha siġġu f’dan il-Kunsill.
Fil-preżent, l-Armata tal-Kremlin qed teskala l-preżenza militari tagħha qrib il-fruntiera Ukrena, u meta bħala għada ġimgħa taħbat l-ewwel anniversarju mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna li ħalliet l-eluf kbar tal-vittmi innoċenti.
//= $special ?>