Lokali Qorti

Akkużat li hedded lill-Pulizija li kienu qed jarrestawh li b’mod falz kien se jixlihom li serqulu €20,000

Raġel mixli fuq inċident fejn windscreen ta’ karozza spiċċa tfarrak, allegatament hedded li jakkuża b’mod falz lill-uffiċjali li serqulu €20,000. L-Ispettur Ryan Vella ressaq il-Qorti raġe ta’ 37 sena mill-Gambja, Lamin Samura Seguba quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, il-Ġimgħa wara nofsinhar.

Ir-raġel ġie arrestat il-Ħamis wara nofsinhar f’San Pawl il-Baħar. L-Ispettur Vella ta ħarsa ġenerali lejn dak li wassal għall-arrest. Fuq il-post, sid ta’ karozza bil-windscreen imkiser kien semma lill-akkużat bħala l-persuna li għamillu l-ħsara.

Il-Pulizija avviċinat lir-raġel u talbitu d-dettalji tiegħu, iżda dan irrifjuta. Imbagħad tahom isem falz. Wara li ġie arrestat, il-Pulizija fittxew fil-baskett tiegħu u sabu sikkina b’xafra itwal minn sitt ċentimetri. Inqrawlu d-drittijiet tiegħu u ġie meħud l-għassa,

Seguba mbagħad hedded li se jagħmel minn kollox biex l-uffiċjali jitkeċċew u li jsostni b’mod falz li fil-ħin tal-arrest tiegħu kien qed iġorr €20,000, li kienu għebu, qal l-Ispettur. Ir-raġel ġie skortat l-Isptar Mater Dei għall-attenzjoni medika, fejn hemmhekk kisser xi oġġetti bħal għamara wara li ddejjaq jistenna.

Seguba ġie mixli li kkawża ħsara ta’ aktar minn €250 fi proprjetà ta’ raġel ieħor u li kiser il-paċi pubblika, wara dak li jidher li kien argument. Huwa kien mixli wkoll li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr permess, irrifjuta li jagħti l-partikolaritajiet tiegħu lill-uffiċjali tal-Pulizija u hedded ħames Pulizija.

Ġew ippreżentati wkoll aktar akkużi relatati mal-kawża ta’ ħsarat ta’ inqas minn €250 fl-Isptar Mater Dei u l-ksur tal-kundizzjonijiet tal-pleġġ. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb, li dehru għall-akkużat, infurmaw lill-Qorti li l-akkużat se jkun qed iwieġeb mhux ħati.

Saret ukoll talba għall-libertà proviżorja. L-Ispettur Vella oġġezzjona għat-talba, u rrimarka li minbarra uffiċjali tal-Pulizija, kien hemm ukoll xhieda ċivili li għad iridu jixhdu. Irrimarka li l-imputat huwa akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet preċedenti tal-pleġġ u n-natura serja tal-akkużi.

L-Avukat Marion Camilleri sostniet li l-akkużat ma kellu l-ebda għarfien dwar min huma x-xhieda ċivili. “Ma naħsbux li hija raġuni valida biex il-qorti tiċħad it-talba tagħna għall-ħelsien mill-arrest.” Fir-rigward tal-ksur tal-pleġġ, l-avukat sostniet li l-akkużat ma setax kiser il-pleġġ sakemm ma jinstabx ħati tal-akkużi l-oħra.

Seguba kien ilu fuq libertà proviżorja għal madwar seba’ jew tmien snin u kien fil-fatt ippreżenta każ Kostituzzjonali dwar dan, żiedet tgħid l-avukat. “Nassumi li l-Pulizija ddeċidiet li tressaq taħt arrest minħabba l-ksur tal-pleġġ, minħabba li l-akkużi l-oħra… mhumiex ta’ natura tant serja li jistħoqqilhom jiċħdu l-libertà proviżorja.”

It-theddida kienet “jekk m’intix se tirrispetta d-drittijiet tiegħi, se titlef l-impjieg tiegħek” qalet l-avukat, filwaqt li sostniet li din id-dikjarazzjoni lanqas kienet tikkostitwixxi theddida. L-Ispettur Vella spjega li l-aktar akkuża gravi kienet il-ġarr ta’ sikkina.

Huwa kien ittieħed l-isptar għax kellu frak tal-ħġieġ f’idu. Huwa kien intalab jistenna għax l-ewwel kellhom jiġu ttrattati każijiet aktar serji u mbagħad għamel ħsara fl-għamara. It-theddida li waslet kienet li jiġu akkużati b’mod falz lill-uffiċjali b’serq, irrimarka l-ispettur. Il-Qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet u wara li kkunsidrat in-natura tal-każ, ċaħdet il-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tal-akkużi u l-possibbiltà li tbagħbis l-evidenza.