Il-UEFA ħabbret uffiċjalment il-kandidati kollha li tefgħu isimhom għall-elezzjonijiet li se jinżammu fis-47 Kungress Ordinarju tal-UEFA li se jsir nhar l-Erbgħa 5 ta’ April 2023 f’Lisbona.
L-elezzjonijiet mistennija jeleġġu President tal-UEFA u disa’ membri tal-Kumitat Eżekuttiv, fejn seba’ postijiet huma miftuħa għall-membri overall fuq perjodu ta’ erba’ snin, post miftuħ għall-membri overall fuq perjodu ta’ sentejn u post miftuħ għal kandidata mara.
Il-lista finali ta’ kandidati tinkludi lil Alexander Ceferin mill-Islovenja bħala l-uniku kandidat għal post ta’ President. B’hekk Ceferin mhux se jkun oppost u mistenni jerġa’ jkun ikkonfermat fil-kariga għal 4 snin oħra.
Kandidat ieħor mhux oppost huwa l-Ġermaniż u Viċi President tal-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Futbol, Hans Joachim Watzke. Dan mistenni jkun elett fil-Kumitat Eżekuttiv għal perjodu ta’ sentejn. Għas-seba’ postijiet li jifdal l-isfida mistennija tkun akkanita, fejn b’kollox ħerġin 11-il kandidat fosthom il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, biex dawn jiġu eletti għal perjodu ta’ erba’ snin.
Vassallo kien ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jkun kandidat ftit tal-ġimgħat ilu u jidher li fiċ-ċrieki Ewropej tal-futbol ismu jinżel tajjeb ma’ ħafna pajjiżi minħabba r-relazzjonijiet b’saħħithom li għandu fil-kontinent. Il-President tal-MFA se jkun qed jikkompeti mal-Presidenti ta’ Spanja, d-Danimarka, l-Albanija, r-Repubblika Ċeka, l-Ukrajna, l-Ġeorġja, l-Iskozja, in-Norveġja u l-Liechtenstein u mal-Viċi President ta’ Franza.
Finalment il-post għal kandidata mara se jmur għand Laura McAllister minn Wales, li hija l-unika waħda li tefgħet ismha f’din il-kategorija.
Il-kandidati kollha kienu soġġetti għal kontrolli tal-eliġibilità mwettqa minn kumitat elettorali magħmul minn membri tal-Kumitat ta’ Governanza u Konformità tal-UEFA u kollha għaddew b’suċċess mid-due diligence neċċessarju.
//= $special ?>