Rowen Camilleri
Il-Kampjonat BOV Premier jinsab fl-aħħar fażi tiegħu bil-programm ta’ tmiem il-ġimgħa li ġej ikun l-20 wieħed, biex issa fadal biss seba’ logħbiet sat-tmiem. Dwar min se jieħu l-kampjonat ftit hemm x’tiddiskuti fejn kif nafu Ħamrun Spartans jinsabu komdi bi 11-il punt vantaġġ f’ras il-klassifika u għalhekk huwa kważi impossibli li jitilfu t-titlu. Din il-ġimgħa jilagħbu kontra Birkirkara f’konfront li għalkemm Ħamrun jibdew favoriti jista jkun wieħed diffiċli għall-iskwadra ta’ Branko Nisevic. Min-naħa l-oħra, fin-naħa t’isfel tal-klassifika, Pietà u Żebbuġ jiltaqgħu kontra xulxin b’dawn tal-aħħar jittamaw li ma jiddiżappuntawx biex iżommu l-pass ma’ Marsaxlokk u jibqgħu f’post għal play-off li s’issa jekk kollox jibqa’ kif inhu jidher li se tkun kontra Żejtun Corinthians.
Ħamrun Spartans vs Birkirkara | Il-Ħadd, fit-15:00 fl-Istadium Nazzjonali
Il-konfront tal-ġimgħa huwa dak bejn Ħamrun Spartans u Birkirkara, konfront li se nkunu qed naraw ripetizzjoni tiegħu l-ġimgħa d-dieħla hekk kif iż-żewġ timijiet se jiltaqgħu ukoll kontra xulxin fil-Kwarti tal-Finali tal-F.A. Trophy. Ħamrun, li fil-kampjonat jaffordjaw iwaqqgħu il-punti, għandhom jagħtu importanza kbira lil dan il-konfront sabiex iżommu l-moral għoli biżżejjed kemm għall-aħħar ftit punti li fadlilhom biex isiru champions kif ukoll għall-partita tal-ġimgħa d-dieħla valida mill-F.A. Trophy. Min-naħa l-oħra Birkirkara mhux biss huma wkoll għandhom bżonn ikollhom moral għoli l-ġimgħa d-dieħla, iżda għandhom bzonn tliet punti biex iżommu t-tielet post u għalhekk kwalifikazzjoni importantigħall-kompetizzjonijiet Ewropej. Birkirkara kien l-ewwel tim li Ħamrun waqqa’ l-punti kontrieħ dan l-istaġun hekk kif wara sitt rebħiet kienu miżmuma mill-Istripes fi draw ta’ mingħajrgowls. Daqqa ta’ ħarta għal Giovanni Tedesco hekk kif se jkun mingħajr il-midfieder offensiv u top skorer tat-tim Enzo Cabrera li jinsab sospiż.
Floriana vs Gżira United | Is-Sibt, fis-14:00 fl-Istadium Nazzjonali
Konfront interessanti bejn tim li attwalment għaddej min żmien diffiċli u nuqqas ta’ punti, cioe Floriana, u tim li għaddej minn vena mill-aqwa u riżultati pożittivi, bil-Marrons mill-aħħar ħames partiti rebħu erbgħa u ġew draw kontra Gudja United. Il-Greens, immexxija minn Gianluca Atzori,ma’ lagħbux f’nofs din il-ġimgħa għaliex kienu eliminati mill-F.A. Trophy u min-naħa l-oħra Gżira għelbu lil Qala 3-0. Gżira, li jinsabu fit-tieni post 11-il punt taħt il-leaders Ħamrun, se jkunu mingħajr Zach Scerri li jinsab sospiż. Il-Greens, li jinsabu t-tmien post bi 28 punt se jkollhom nieqes lil Mathias Garcia li wkoll jinsab sospiż logħba. Fl-ewwel round Gżira ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.
Marsaxlokk vs Gudja United | Is-Sibt, fis-14:00 fis-Centenary Stadium
Attwalment Gudja jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika, tmien punti fuq l-avversarji Marsaxlokk li jinsabu fil-ħdax-il post. Iż-żewġ timijiet avvanzaw għall-Kwarti tal-Finali tal-F.A. Trophy b’Marsaxlokk jeliminaw lil Santa Lucia filwaqt li Gudja eliminaw lil Sirens. Gudja fil-kampjonat se jkunu ġejjin minn telfa ta’ 3-1 kontra Birkirkara filwaqt li Marsaxlokk,wara numru ta’ logħbiet mingħajr rebħa għelbu lil Santa Lucia 1-0. Gudja, ta’ Agostinelli se jkollhom nieqes lid-dfensur Juan Bolanos li qed jiskonta sospensjoni ta’ logħba. Kienu x-Xlukkajri li fl-ewwel round ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
Pietà Hotspurs vs Żebbuġ Rangers | Is-Sibt, fl-16:15 fl-Istadium Nazzjonali
Lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika dwell mill-aktar interessanti bejn żewġ timijiet li qed jaspiraw li jżommu posthom mal-kbar. Bla dubju li Żebbuġ se jkunu xi ftit favoriti hekk kif jinsabu sitt punti fuq Pietà b’dawn tal-aħħar ankrati f’qiegħ il-klassifika. Żebbuġ se jkollhom nieqsin minħabba sospensjoni lil Travis Bartolo u Shaun Bugeja. Pietà se jkunu qed jittamaw li jirrepetu dak li għamlu fl-ewwel round meta dakinhar ħarġu rebbieħa 1-0, f’dik li s’issa kellha tkun l-unika rebħa tal-Hotspurs fil-Kampjonat.
Hibernians vs Santa Lucia | Il-Ħadd, fil-11:30 fis-Centenary Stadium
Wara r-rebħa kbira ta’ 8-0 kontra Kerċem Ajax, Hibernians immexxija minn Silvio Vella issa jilagħbu kontra Santa Lucia f’dak li bosta jsejħulu d-Derby tan-Nofsinhar. L-ambjent bla dubju li nbidel fil-klann ta’ Hibernians u l-moral issa jinsab għoli wara li s’issa taħt Silvio Vella, bl-F.A Trophy inkluża huma rebħu tnejn minn tnejn. Min-naħa l-oħra Santa Lucia ġejjin minn erba’ telfiet minn daqstant partiti u l-affarijiet jidhru xi ftit diffiċli għall-Yellows speċjalment jekk Żebbuġ jegħlbu lil Pietà Hotspurs. Hibernians se jkollhom nieqes lil Gabriel Artilles li jinsab sospiż. L-ewwel konfront bejn dawn it-tnejn dan l-istaġun intrebaħ mill-Pawlisti 3-2.
Valletta vs Mosta | Il-Ħadd, fis-14:00 fit-Tony BezzinaStadium
Dwell ieħor li jista’ jkun wieħed interessanti huwa dak bejn Valletta u Mosta. Minkejja dan f’dik li hi forma fl-aħħar partiti Mosta jinsabu aħjar bil-bosta minn Valletta hekk kif il-Mostin rebħu l-aħħar tliet logħbiet fil-Kampjonat filwaqt li Valletta, immexija minn Thane Micallef ilhom ħames logħbiet bla ma jirbħu, bl-aħħar rebħa teħodna lura għas-sbatax ta’ Diċembru li għadda meta kienu ssorprendew f’rebħa ta’ 4-0 kontra ċ-champions Hibernians. Fl-ewwel round Mosta għelbu lil Beltin 3-1.
Sirens vs Balzan | Il-Ħadd, fl-16:15 fit-Tony Bezzina Stadium
Tnejn mit-timijiet li kienu eliminati mill-aħħar sittax tal-F.A. Trophy, Sirens u Balzan jiltaqgħu kontra xulxin f’dak li hu l-aħħar konfront mill-20 ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier. Għal Sirens dan huwa mument diffiċli hekk kif fl-aħħar partiti kellhom nixfa ta’ punti fejn mill-aħħar ħames ħarġiet fil-kampjonat tilfu erbgħa u ġew draw waħda kontra Valletta. Mhux l-istess jista’ jingħad għal Balzan, li fl-aħħar partiti urew konsistenza fil-pożittiv u issa huma wieħed mit-timijiet li qed jitħabtu biex jiksbu post fl-Ewropa permezz tar-raba’ post. Winston Muscat e jkollu jilgħab mingħajr Armah Ayo Vaikainah u Stephene Sessegnon li t-tnejn jinsabu sospiżi. L-ewwel logħba bejn dawn it-tnejn f’dan l-istaġun spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls.
//= $special ?>