Lokali Qorti

Ħebb għall-eks sieħba u s-sieħeb tagħha imma skużabbli għax iddeffenda ruħu

Ħamruniż ta’ 35 sena nstab ħati mill-Maġistrat Rachel Montebello li ħebb u hedded lill-eks sieħba tiegħu fejn fost oħrajn qalilha li kien se jħanxrilha għonqha. Madankollu l-Qorti qieset il-fatt li l-mara marret għalih mas-sieħeb il-ġdid tagħha fejn dawn ħebbew għalih. Indikazzjoni ċara li ma beżgħetx minnu. Għalhekk huwa ġie mmultat biss €58 għaliex dak li għamel kien biex jiddeffendu lilu nniffsu mill-agressjoni.

L-inċident seħħ fit-28 ta’ Settembru 2020 fil-Ħamrun bejn it-8.30pm u d-9.30pm fi Triq is-Sewwieqa fil-Ħamtun. Huwa tressaq il-Qorti mixli li ħebb għall-eks sieħba. li hija omm uliedu kif ukoll għas-sieħeb tagħha. Minħabba akkużi ta’ theddid ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied, li qal kliem oxxen fil-pubbliku u li beżżagħhom.

Il-mara qalet fil-Qorti li hija damet f’relazzjoni mal-akkużat għal madwar seba’ snin u għandhom tliet ulied. Skont hi dakinhar tal-inċident ċemplilha biex imur jiġbor xi ħwejjeġ għax l-għada kellu l-Qorti u filgħaxija bagħtithomlu isfel bil-lift.

Aktar tard permezz ta’ telefonata qalilha li kien se jħanxrilha għonqha u għonq is-sieħeb tagħha. Qalet li hi marret tiġbor it-tfal flimkien mas-sieħeb. Kif waslet quddiem id-dar, sabet lil lilu, lil ħuh, lil missieru u lill-mara ta’ ħuh barra u f’idu lemħet ħadida. Qalet li meta marret biex tkellmu beda jagħtiha bil-ħadida u weġġagħha f’daharha u benġilha.

Il-mara qalet li mhux l-ewwel darba kien vjolenti magħha u f’okkażjoni minnhom qabadha minn għonqha u sabbatha mal-art waqt li darb’oħra taha daqqa ta’ sieq f’żaqqha meta kienet tqila. Is-sieħeb tagħha kkonferma dak li xehedet il-mara waqt li l-akkużat, fl-istqarrija li kien ta lill-Pulizija, sostna li kienu l-eks-sieħba u s-sieħeb tagħha li bdew isawtuh meta marru għalih u huwa ddefenda lilu nnifsu.

Il-Maġistrat Montebello qalet li huwa ovvju mix-xhieda tal-akkużat u tal-eks-sieħba hu ċar li bejniethom hemm antagoniżmu qawwi aktarx xprunat mill-fatt li hija bdiet relazzjoni ma’ raġel ieħor. Innotat li l-mara u s-sieħeb tagħha kkontradixxew lil xulxin u osservat li ma tressqet ebda prova li l-mara qalgħet daqqa ta’ ħadida fuq daharha kif qalet.

Il-Maġistrat qalet li xejn ma jikkonvinċi lill-Qorti li l-mara beżgħet għas-sigurtà tagħha jew ħasset sensazzjoni ta’
allarm bit-theddida tal-imputat, tant illi kif waslet fuq il-post, dlonk ħebbet għall-imputat u bdiet tagħtih f’wiċċu u f’siequ.

Il-Maġistrat qalet ukoll li mill-provi rriżulta li s-sieħeb tal-mara kien akkanit biex jiġġieled mal-akkużat u meta s-sieħba tiegħu marret tiġbor lit-tfal ra “opportunità tad-deheb biex jiżvoga l-aptit li kellu għall-ġlied”. Qalet ukoll li hi temmen il-verżjoni tal-akkużat, ta’ missieru u ta’ ħuh li malli s-sieħeb tal-mara niżel mill-karozza mar fuq missier l-akkużat u wara beda jiġġieled miegħu.

Tant jemm il-mara ma beżgħetx mill-eks sieħeb tagħha li daħlet fit-taqtiegħa u bdiet tagħtih f’wiċċu u f’saqajh. Qalet ukoll li għalhekk l-akkużat kien iffaċċjat b’periklu li mhux biss kien inġust fejn hu u missieru kienu aggrediti mis-sieħeb tagħha.

Fl-istess waqt qalet li ma setgħetx tinjora l-fatt li l-eks-sieħba u s-sieħeb tagħha rrappurtaw li raw lill-akkużat joħroġ ħadida u ma emmnitux meta qal li remiha u ma użahiex meta tqis li s-sieħeb tal-mara ġarrab ġrieħi f’idu. Waqt li ġie ppruvat li l-akkużat weġġa’ lill-eks sieħba u lis-sieħeb tagħha ddikjarat ir-reat bħala skużabbli għax kien qed jiddefendi lilu nnifsu.

Hija għalhekk sabet lir-raġel mhux ħati tal-akkużi fil-konfront tas-sieħeb tal-mara u ħati biss li ħebb għaliha u heddidha kif ukoll talli kiser il-paċi pubblika. Minbarra l-multa ta’ €58 rabtitu wkoll b’penali ta’ €2,000 għat-12-il xahar lil ġejjin biex iżomm il-paċi mal-eks-sieħba u s-sieħeb tagħha b’rabta ma’ dan il-każ. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Stacy Attard u Elisia Scicluna.