Il-Gvern b’għajnuna ta’ €83.33 fix-xahar għal 10 snin għal first time buyers
Tlieta u tmenin ewro u tlieta u tletin ċenteżmu fix-xahar – għal għaxar snin. Elf ewro fis-sena għal għaxar snin f’għajnuna biex min jixtri post għall-ewwel darba jkun jista’ jħallas il-loan mal-bank.
Dan huwa l-kontribut li l-Gvern se jkun qiegħed jagħti lil min jixtri post għall-ewwel darba – b’din l-għajnuna tgħodd għal kull min xtara post l-ewwel darba mill-1 ta’ Jannar, tal-2022.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja mill-Prim Ministru Robert Abela fejn bil-prezzijiet tal-proprjetà dejjem jgħolew u d-diffikultà enormi għall-koppji biex jixtru post tagħhom żgur li din l-hekk msejħa qatra f’oċejan vast ta’ spejjeż…se tagħmel differenza żgħira.
Ġurnalisti preżenti staqsew jekk din il-mossa tal-Gvern hux se tkun qed taġevola inflazzjoni fil-prezz tal-proprjetà, b’Abela jisħaq li ma jaqbilx iżda ma jeskludix din l-eventwalità.
Ir-realtà hi …li koppja qed issibha diffiċli tixtri saqaf fuq rasha; agħar minn hekk jekk tkun ġuvni jew xebba waħdek, bil-Prim Ministru jisħaq li huwa kważi ħolma li kulħadd ikun jiflaħ jixtri post.
Dan kollu seħħ fil-jum illi fih sar magħruf li l-bank HSBC rdoppja d-down payment minimu, u żied ir-rata ta’ interessi għal min jissellef biex jixtri dar. Dan ifisser li l-first time buyers iridu jħallsu lill-bank 20% tal-prezz tal-proprjetà – ekwivalenti għal €40,000 f’każ li tixtri appartament ta’ €200,000.
Abela mingħajr soluzzjoni wara li l-Bank HSBC żied id-downpayment għas-self tal-first time buyers
Realistikament dawn in-numri jagħmluha ferm diffiċli għal koppja żagħżugħa biex tippreżenta dawk l-ammonti ta’ flus lill-bank. Mistoqsi dwar dan kollu s-soluzzjoni ta’ Abela kienet sempliċi – biex ma jmorrux jisselfu mingħand l-HSBC.
Dan ifisser li fl-eventwalità li l-eżempju jkaxkar u l-banek lokali jimxu fuq il-passi tal-HSBC, Abela jidher li m’għandu l-ebda soluzzjoni għall-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom b’mod partikolari ż-żgħażagħ.
Intant tard waranofsinhar kompliet tiżdied il-konfużjoni hekk kif HSBC ħareġ stqarrija fuq l-iStock Exchange li ma nbidel xejn f’dan is-sens….madanakollu rapporti fuq Times of Malta għadhom qed jindikaw li l-bank qed jitlob proprju 20%