It-tmexxija tal-PBS qed tara kif tagħmel biex, ma’ kull okkażjoni, tagħti daqqa ta’ id lil-Labour minflok ma sservi ta’ Xandir Pubbliku. L-aħħar minn sensiela ta’ każi seħħ ilbieraħ filgħaxija, bi preżentatur tal-PBS jiġi ggwidat jivvinta ħrafa biex jitfa’ dell ikrah fuq il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li jagħti palata b’mistoqsijiet ħfief lill-Ministru billi jħallih jagħmel propaganda politika u mingħajr il-pressjoni ġurnalistika li wieħed jistenna mix-Xandir Pubbliku.
Il-fatti huma dawn: Ftit tal-jiem ilu, il-preżentatur tal-PBS talab invtevista wiċċ imb’wiċċ (one on one) mal-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern u s-Sigurtà Joe Giglio għall-programm tal-bieraħ filgħaxija Insights.
Immedjatament, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista avża lill-PBS li fil-ħin indikat m’huwiex disponibbli u għalhekk, il-Partit Nazzjonalista talab li jinsab ħin ieħor biex tkun tista’ ssir din l-intervista fuq suġġett daqstant importanti, li qed jinkwieta lill-poplu kollu.
Madankollu, it-tmexxija tal-PBS insistiet li din l-intervista ssir xorta, fl-istess data u ħin, dwar l-istess suġġett tas-sigurtà, iżda ma’ Kelliem ieħor li m’huwiex tas-suġġett diskuss.
Il-Partit Nazzjonalista informa lill-PBS li din it-talba ma tagħmilx sens u tenna li għandu jinstab ħin ieħor ħalli l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar dan is-suġġett ikun jista’ jattendi. Madankollu, u minkejja d-disponibbiltà tal-Partit Nazzjonalista, it-tmexxija tal-PBS għażlet li ssib skuża konvenjenti biex tiċċensura l-veduti tal-Partit Nazzjonalista dwar dan is-suġġett permezz tal-Kelliem relevanti.
Wara dan kollu, fil-bidu tal-programm tal-bieraħ, il-preżentatur qara dak li nkitiblu u qal li l-Partit Nazzjonalista informa lill-PBS li l-Kelliem tiegħu ma setax jattendi u għalhekk, għamel biss intervista lill-Ministru Byron Camilleri.
It-tmexxija tal-PBS ħadet l-okkażjoni tagħti daqqa ta’ id lil-Labour b’mistoqsijiet lill-Ministru tal-Intern li ma joħorġux id-diversi nuqqasijiet li seħħew taħt ir-responsabbiltà tiegħu, tant li anke wasslu biex Robert Abela nnifsu jammetti li m’għadux iħossu komdu jħalli t-tifla tiegħu fit-toroq tal-belt kapitali tagħna.
Dak li suppost hu x-Xandir Pubbliku lanqas ma staqsa lill-Ministru dwar l-ilmenti tal-unions tal-forzi tal-ordni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jew dwar l-ammont ta’ ħajjiet li ntilfu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-mod sfaċċat kif il-PBS qed tkun notice board tal-Labour u tipprova kontinwament tiċċensura kull opinjoni differenti minn dik ta’ Robert Abela.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jirriżerva kull dritt li ittih il-Liġi biex jissalvagwardja d-dritt tiegħu tal-libertà tal-espressjoni u li l-PBS twettaq l-obbligi kollha tagħha skont il-Liġi.