Lokali

Il-Prim Ministru Robert Abela jwissi mill-ġdid lill-Qrati

Jgħid li kien “dover tiegħu” li jkellem Maġistrat

Għal darb’oħra l-Prim Ministru Robert Abela reġa’ wissa u attakka lill-Qrati ta’ pajjiżna, u mingħajr ebda dispjaċir saħaq li huwa fid-dover li jitkellem mal-Maġistrati  – minkejja l-kritika li kellu fl-aħħar jiem.

Il-Ġimgħa filgħodu…meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti biex jispjega għalfejn kellem Maġistrat huwa insista li hu fid-dover tiegħu li jwassal il-messaġġ tas-soċjetà.

U minflok skuża ruħu tal-aġir tiegħu, Robert Abela baqa’ jinsisti li kien fid-dover li jkellem lil Maġistrat minkejja li hemm struttura li wieħed għandu jsegwi; waħda li bl-aktar mod ċar il-Prim Ministru qiegħed jinjora għal kollox.

Net News saqsa lil Robert Abela jekk hux se jkun qiegħed jerġa’ jkellem Maġistrat minkejja l-kritika li rċieva, bil-Prim Ministru ma jinnegax dan. U minflok reġa’ attakka lil Qrati.

“Fiduċja sħiħa f’Victoria Buttigieg”

Dan minkejja li l-Kamra tal-Avukati insistiet li mhux kompitu tal-Qrati li twassal messaġġi lis-soċjetà iżda huwa kompitu tal-politiċi, filwaqt li l-avukati kienu insistew għal titjib fir-riżorsi ġudizzjarji u amministrattivi…u riformi fil-liġijiet.

Net News staqsa wkoll lill-Prim Ministru jekk għandux fiduċja fl-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg wara li numru ta’ deċiżjonijiet li ħadet, jew nuqqas tagħhom, waslu għal telf ta’ żmien relatati ma’ prosekuzzjoni ….b’Abela jkompli jiddefendi lill-Avukat Ġenerali.

Abela tkellem dwar il-każ ta’ kunflitt ta’ interess fi ħdan il-BCA

Intant, b’rabta ma’ dak li seħħ f’Birkirkara fil-jiem li għaddew – fejn filmat ippubblikat online wera ġebel minn sit ta’ kostruzzjoni jitwaqqa’ għan-nofs ta’ triq… Robert Abela qal li l-pożizzjoni tal-perit involuta f’dan il-proġett – bħala Chairperson tal-Aġenzija tal-Kostruzzjoni – ma kinitx aktar tenibbli.

Iżda meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar kif il-Gvern ippermetta sabiex dan il-kunflitt ta’ interess iseħħ, huwa ħarab mid-domanda.

Net News staqsa għalfejn il-Ministru responsabbli Stefan Zrinzo Azzopardi ma tkellimx dwar dan il-każ…u għaliex kellu jkun filmat ippubblikat online li jikxef dak li kien għaddej f’Birkirkara u aktar minn hekk, fi ħdan il-BCA.