Lokali Qorti

Imħallef tordna biex dikjarazzjonijiet fuq il-maħfra tal “Koħħu” jiġu esebiti f’każ kontra allegati produtturi tal-bomba

Vince Muscat Koħħu

Kopji awdjoviżivi ta’ dikjarazzjonijiet maħruġa lill-Pulizija minn Vince Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” bħala parti mill-offerta bla suċċess tiegħu għal maħfra presidenzjali għandhom jiġu esebiti fil-kumpilazzjoni ta’ provi kontra l-irġiel akkużati li pprovdew il-bomba li ntużat biex ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia u l-qtil tal-avukat Carmel. Chircop.

Din l-ordni ngħatat mill-Imħallef Edwina Grima, li tippresjedi l-Qorti Kriminali, f’seduta ta’ qabel il-proċess għall-aħwa tal-Maksar Adrian u Robert Agius, Jamie Vella u George Degiorgio. Adrian Agius jinsab akkużat li allegatament kkummissjona l-qtil ta’ Chircop, filwaqt li Robert Agius u Jamie Vella huma mixlija li pprovdew il-bomba ta’ Caruana Galizia.

Muscat, li bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ 15-il sena ħabs għas-sehem tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia, kien irċieva maħfra presidenzjali dwar il-parteċipazzjoni tiegħu waqt il-pjan li kien sar biex jinqatel Chircop bi tpattija għax-xhieda tiegħu kontra ħaddieħor.

Fid-depo]izzjoni tiegħu, Muscat kien implika lil Chris Cardona, eks Ministru Laburista għall-Ekonomija, lil Keith Schembri, l-eks chief of staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat; kif ukoll l-avukat David Gatt fl-ippjanar tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Muscat kien qal ukoll lill-Qorti li kemm pjan li tintuża arma -senter biex tinqatel Caruana Galizia, liema pjan kien skartat aktar tard, u bomba (jew bombi), akkwistata minn barra, li skont hu kienu ġew ipprovduti minn Robert Agius u Jamie Vella.

Is-seduta tal-Ġimgħa ttrattat suġġetti mhux tant ta’ interess, inkluż applikazzjoni li titlob ir-rilaxx ta’ vettura u applikazzjoni separata ppreżentata minn bank. Fi tmiem is-seduta, il-Qorti laqgħet talba għall-esebizzjoni ta’ kopji awdjoviżivi ta’ dikjarazzjonijiet dwar iż-żewġ qtil, li kienu ħarġu minn Vince Muscat bħala parti mit-talba tiegħu għal maħfra presidenzjali.

L-avukati difensuri kienu talbu li jingħataw kopja sabiex ikunu jistgħu jikkonfrontaw biha lix-xhieda tagħhom. L-Imħallef ordnat li dawn l-erba’ dikjarazzjonijiet rrekordjati bil-vidjo jiġu esebiti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala parti mill-provi.

L-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin huma avukati difensuri tal-aħwa Agius filwaqt li l-avukat Ishmael Psaila qed jirrappreżenta lil Vella. Għal George Degiorgio qed jidhru l-avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri. Il-każ se jkompli f’Marzu.