Fil-Qorti ngħad kif impjegat ta’ Transport Malta, akkużat dwar fastidju ta’ kollega mara, li allegatament hedded li jarmiha mill-irdum ta’ Ħad-Dingli, kien ftaħar li kien “il-kuġin tal-Ministru”. F’seduta quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima ngħad li l-mara sofriet erba’ xhur ta’ intimidazzjoni minn Clifford Micallef ta’ 49 sena.
Waqt li xehdet fil-Qorti, l-allegata vittma qalet li Micallef ipprova jikseb aċċess mhux awtorizzat tal-kompjuter tal-post tax-xogħol tagħha, bagħtilha l-fjuri mingħajr ma hi xtaqet, u kien kisser tazza meta raha titkellem ma’ rġiel oħra. Il-fastidju huwa mifhum li beda fl-2017, iżda laħaq il-qofol tiegħu fix-xhur bejn Jannar u Ġunju 2022.
Il-mara qalet lill-Qorti li l-akkużat jiftaħar li kien relatat ma’ Ian Borg, li dak iż-żmien kien Ministru tat-Trasport, sostniet. li hu kien jgħid li għandu “saħħa kbira” fl-awtorità. “Peress li kien il-kuġin tal-Ministru kont nibża’ li se niġi trasferita jew nitlef ix-xogħol,” hija qalet lill-Qorti, u ddeskriviet kif l-ilmenti ripetuti tagħha dwar Micallef ġew injorati.
Fil-fatt, Micallef sussegwentement ġie promoss u allokat karozza tal-kumpanija, hija qalet. Meta uffiċjal għoli ta’ Transport Malta kien tkellem miegħu dwar nuqqasijiet oħra fuq il-post tax-xogħol, Micallef kien qal li se “jitfa’ lil xi ħadd minn fuq l-Irdumijiet ta’ Ħad-Dingli”.
Għalkemm ma semmiex il-persuna li kien qed jirreferi għaliha, “kulħadd kien fehem li kien qed jirreferi għall-mara,” minħabba r-rapporti tagħha. Il-Qorti kienet infurmata li d-Dipartiment tar-Riżorsi Umani kienu rċevew informazzjoni dwar l-inċidenti u wara li talbu parir legali ressqu rapport tal-Pulizija.
Sussegwentement Micallef ġie mixli b’fastidju u li kkaġuna lill-mara biża’ mill-vjolenza, fejn qed iwieġeb mhux ħati. Il-każ ikompli x-xahar id-dieħel. L-Avukat Albert Zerafa huwa avukat difensur ta’ Micallef. L-Avukat Marita Pace Dimech qed tirrappreżenta lill-vittma fil-proċeduri.
F’kumment li ta l-Ministru Ian Borg qal: “M’għandi l-ebda appoġġ għal individwi li jippruvaw jiksbu triqthom billi jużaw isem xi ħadd ieħor. Ninsab kuntent li l-management tal-Awtorità ħadu azzjoni biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet. Jekk huma veri, allura nħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiżguraw li l-ġustizzja ssir mingħajr dewmien”.
//= $special ?>