Kultura Lokali

Isir il-Karnival spontanju tat-tfal f’Ħal Għaxaq

Festa ta’ briju fil-lokalità ta’ Ħal Għaxaq hekk kif il-Ġimgħa filgħodu numru kbir ta’ tfal ferrħu t-toroq ta’ din il-lokalità fejn spikkaw fost l-oħrajn il-kuluri u l-varjeta kbira ta’ kostusmi.

Dan il-Karnival spontanju ta’ Ħal Għaxaq kellu l-bidu tiegħu fis-sena 2015 fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali fejn xtaq li jkun hemm Karnival apposta għat-tfal. Ta’ kull sena bdiet issir parata bis-sehem tat-tfal izda din kellha tieqaf minħabba l-pandemija tal-COVID.

Pero din is-sena, f’temp mill-isbaħ, reġgħet kienet organizzata din il-parata bis-sehem ta’ bosta skejjel li jffurmaw parti mir-Reġjun ta’ Nofsinhar.

F’dak li huwa magħruf bħala l-Karnival spontanju għat-tfal ħadu sehem karrijiet zgħar magħmula mill-istudenti bl-għajnuna tal-għalliema tagħhom, kif ukoll kostumi magħmulin mill-kartun u affarijiet riċiklati.

Fl-istess attività ħadu s-sehem iż-żewġ baned tal-lokalità sabiex jiddaħħal ukoll l-aspett tradizzjonali ta’ pajjizna.

Il-Karnival spontanju f’Ħal Għaxaq jilħaq il-qofol tiegħu nhar it-Tnejn u t-Tlieta li ġej.