Fid-dawl tar-riżenja taċ-Chairperson tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-persuna li se tkun innominata bħala ċ-Chairperson il-ġdid għandha tkun persuna kompetenti u li ma jkollha l-ebda kunflitt ta’ interess. Il-Partit Nazzjonalista jistenna li ċ-Chairperson il-ġdid ikun innominat minħabba l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tiegħu u mhux minħabba lil min jaf u r-rabtiet li għandu mal-Gvern tal-ġurnata.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika Darren Carabott u mill-Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Stanley Zammit. il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-persuna li tkun innominata biex isservi bħala Chairperson tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni tgħaddi minn proċess ta’ skrutinju quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-Ħatriet Pubbliċi bħalma jsir b’karigi oħrajn. Dan jista’ jseħħ b’mod immedjat billi l-Prim Ministru joħroġ ordni li permezz tagħha l-kariga ta’ Chairperson tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni tiżdied fil-lista ta’ karigi li dwarhom isir skrutinju mill-Kumitat Parlamentari dwar il-Ħatriet Pubbliċi (It-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika – Kap. 595 tal-Liġijiet ta’ Malta).
Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel din is-sejħa biex tiżdied it-trasparenza u l-kontabbiltà fil-ħatriet pubbliċi u biex ikun żgurat li l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni tibda titmexxa minn persuna serja u li ma jkollha l-ebda kunflitt ta’ interess.
Il-każ tal-eks Chairperson tal-BCA u l-kunflitt ċar ta’ interess li kellha hu konferma oħra li f’pajjiżna qed tirrenja kultura ta’ abbużi u permissività mill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Illum f’pajjiżna qed tirrenja l-liġi tal-ġungla, fejn min hu b’saħħtu jista’ jagħmel li jrid mingħajr l-ebda konsegwenza. Din hi konsegwenza tal-attitudni tal-Gvern tax-xejn mhu xejn u li għamel min kollox biex ikisser l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni mhix qed tkun effettiva fil-ħidma tagħha, qed iżżid il-burokrazija u tgħolli l-ispejjeż għall-konsumaturi Maltin u Għawdxin. Dan kollu qed iwassal biex titnaqqar il-fiduċja tal-pubbliku fil-BCA.
//= $special ?>