Internazzjonali

Stati Uniti: Ir-residenti ta’ komunità f’Ohio qed jinkwetaw dwar il-materjal tossiku

Il-Gvern tal-Istati Uniti qabbad lill-esperti mediċi mas-servizzi federali biex huma wkoll jevalwaw il-periklu fil-komunità ta’ East Palestine, f’Ohio, fejn ferrovija bil-materjal tossiku kienet qabżet il-linji tagħha f’sitwazzjoni li ġġenerat livell għoli ta’ tħassib.

Fil-fatt, ir-residenti tal-inħawi qed jirrappurtaw dwar ‘l-irwejjaħ tal-kimika’ li qed jikkaġunawlhom l-uġigħ f’rashom u griżmejhom u meta fadal il-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni f’dik iz-zona.

Il-Gvernatur ta’ Ohio, Mike DeWine, talab lill-US Centers for Disease Control and Prevention u lid-Dipartiment Amerikan għas-Saħħa u Servizzi Umanitarji  biex jibgħatu l-iskwadri tal-esperti lejn East Palestine, fejn, fit-3 ta’ Frar, kien seħħ il-każ tal-ferrovija li spiċċat taqbad għal ġurnata sħiħa.

Dan waqt li l-membri ta’ dik il-komunità – fejn jgħixu xi 5,000 ruħ — huma mħassbin ħafna dwar il-kundizzjonijiet attwali fiz-zona u l-effetti fuq saħħithom għat-tul taż-żmien. Hemm anki preokkupazzjoni li l-komunità mgħadhiex waħda sikura minħabba l-inċident u li r-residenti jridu jsibu post ieħor fejn jgħixu.

Il-biża’ tan-nies għadha evidenti minkejja li l-awtoritajiet, fit-8 ta’ Frar, kienu neħħew direttiva għal evakwazzjoni miz-zona partikulari wara li l-uffiċjali konċernati qalu li l-kampjuni tal-arja u l-ilma mill-inħawi ma wrew l-ebda periklu partikulari.