Fl-Europa League kien hemm stennija kbira għal-logħba bejn Barcelona u Manchester United u din il-logħba ma ddiżappuntatx fejn dawn iż-żewġ naħat offrew spettaklu u skorjaw erba’ gowls fit-tieni taqsima biex issa kollox irid jiħi deċiż ġimgħa oħra meta tintlagħab il-logħba ta’ ritorn f’Old Trafford.
Fl-ewwel taqsima il-logħba kienet ferm bilanċjata biż-żewġ naħat jikkontrollaw tajjeb lil xulxin. Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima minn azzjoni ta’ korner kien l-eks Chelsea Marcos Alonso li b’daqqa ta’ ras għeleb lil De Gea fuq l-ewwel lasta, bil-goalkeeper Spanjol jidher ferm inċert f’din l-azzjoni.
Ir-reazzjoni ta’ Manchester United kienet immedjata u effettiva hekk kif dawn dawru r-riżultat favur tagħhom fi spazju ta’ ftit minuti. L-ewwel kien Marcus Rashford li minn qagħda kważi impossibbli kiseb id-draw u fid-59 minuta minn azzjoni oħra ta’ Rashford kin Kounde li għamel awtogowl sfortunat.
Manchester United appellaw għal penalty għal fawl fuq Rashford u Barcelona għamlu l-istess meta l-ballun deher jaħbat ma’ id Fred.Fl-aħħat kwart tal-logħba Barcelona xeħtu kollox fl-attakk u Raphinia kiseb id-draw fis-76 minuta. Barcelona baqgħu jattakkaw u Casemiro kien sfortunat meta m’għamilx awtogowl meta f’attentat li jiskorja laqat il-lasta.
F’Amsterdam bilanċ bejn Ajax u Union Berlin bil-partita tispiċċa fi draw ta mingħajr gowls bil-Ġermaniżi issa favoriti li javvanzaw.
Roma ta’ Jose Mourinho żewġ minuti mit-tmiem kellhom ibaxxu rashom meta Salzburg skorjaw il-gowl rebbieħ b’daqqa ta’ ras ta’ Capaldo.
Fil-logħbiet ta’ filgħaxija jispikka r-riżultat deludenti ta’ Juventus li f’Turin kisbu draw ta’ 1-1 kontra Nantes. Juventus skorjaw gowl kmieni permezz ta’ Vlahovic, iżda fit-tieni taqsima Nantes ħasdu lil Juventus f’azzjoni ta’ kontrattakk u gowl ta’ Blas. Juventus attakkaw bla heda u kienu sfortunati fejn laqtu l-lasta darbtejn fl-istess azzjoni u fl-aħħar sekondi kellhom fejn jingħataw penalty meta l-ballun deher imiss ma’ id difensur ta’ Nantes, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR ingħata fawl fl-attakk favur il-klabb Franċiż.
Wirja mpressjonanti kellhom Sevilla li għelbu lil PSV Eindhoven 3-0, filwaqt li Monaco għelbu lil Bayer Leverkusen 3-2 fil-Ġermanja f’logħba spettakolari.
Riżultati
Ajax v Union Berlin 0-0
Barcelona v Man Utd 2-2
Salzburg v Roma 1-0
Shakhtar v Rennes 2-1
Leverkusen v Monaco 2-3
Juventus v Nantes 1-1
Sevilla v PSV 3-0
Sporting v Midtjylland 1-1
//= $special ?>