Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky irrifjuta ċar u tond għall-possibbiltà li pajjiżu jċedi xi territorju bħala parti minn ftehim għall-paċi potenzjali mar-Russja.
U meta l-24 ta’ Frar għandu jimmarka l-ewwel anniversarju mill-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi, Zelensky – waqt intervista lill-BBC – wissa li r-Russi qatt mhuma se jkunu kuntenti bi ftehim ta’ dan it-tip peress li l-Kremlin ta’ Moska jkun irid jaħtaf dejjem aktar territorju.
L-Ukrajna, intant, qed tinsisti għall-armamenti kbar u (ajruplani) fighter jets bit-tama li titfa’ lura lit-truppi Russi miz-zoni Ukreni li ilhom jokkupaw għal ġimgħat u xhur. Dan meta għadha għaddejja l-battalja ħarxa għall-kontroll ta’ Bakhmut; belt ewlenija ta’ importanza strateġika fejn il-qawwiet Ukreni qegħdin jirreżistu għall-attakki kontinwi tal-grupp tal-merċenarji Wagner, magħruf ukoll bħala l-Armata Privata tal-President Russu Vladimir Putin.
Zelensky, waqt l-intervista, qal li l-armamenti li pajjiżu qed jitlob lill-Punent għandhom jgħinu l-aktar lejn ir-realizzazzjoni tal-paċi wara kważi tnax-il xahar ta’ dmija u kaos dovuti għall-gwerra. U f’kumment xott partikulari, il-President Ukren insista li f’ċirkustanzi bħal dawn, ‘ir-Russja tifhem biss il-lingwa tal-armamenti’.
Il-President Ukren qed jgħid ukoll li ‘diġà bdiet’ l-offensiva kbira tar-Russja li kienet indikata għar-rebbiegħa u meta t-truppi ta’ Putin qegħdin jattakkaw liz-zoni difiżi mill-Ukreni minn diversi bnadi.
Iżda Zelensky, fl-istess ħin, jemmen li l-Armata tal-Ukrajna kapaċi tkompli tirreżisti l-avvanzi tal-qawwiet regolari tar-Russja kif ukoll tal-ġellieda mal-grupp Wagner – waqt li hu wkoll ottimist li l-Ukreni anki se jkollhom l-opportunità biex iwettqu l-kontra-attakki effettivi matul il-jiem li jmiss.
Filwaqt li l-Punent qed iwiegħed kull tip ta’ appoġġ lill-Ukrajna, il-Gvern fi Kiev jinsab frustrat dwar ‘id-dawmien għat-trasport tal-armi, fosthom tankijiet tal-gwerra sofistikati’ lill-qawwiet ta’ Zelensky. Jidher li l-Ukreni se jkollhom jistennew il-ġimgħat sakemm it-tankijiet imwiegħda mir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Ġermanja jkunu jistgħu jaqdu rwol speċifiku f’dan it-teatru ta’ gwerra.
Il-President Zelensky anki indirizza theddida min-naħa tal-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, li hu alleat ewlieni ta’ Putin. Dan wara li Lukashenko sostna li l-Belarus għandha tissieħeb fil-gwerra fuq in-naħa tar-Russja f’sitwazzjoni fejn imqar suldat wieħed tal-Ukrajna jaqsam lejn artu mill-fruntiera komuni.
‘Nittama li l-Belarus ma jieħux parti attiva u diretta f’din il-gwerra iżda jekk dan iseħħ, l-Ukreni għandhom ikomplu jiġġieldu u jirreżistu lill-qawwiet ostili sakemm joħorġu rebbiħin’, tenna Zelensky. Dan waqt li l-President Ukren għamilha ċara li l-Belarus ‘ikun qed jiżbalja bil-kbir’ jekk jippermetti biex ir-Russi jużaw l-artijiet tiegħu għal xi offensiva ġdida fuq l-Ukrajna.
//= $special ?>