Il-Koalizzjoni Int Tista’ Ssalvani u l-Grupp ta’ 80 Espert appoġġjati b’mod attiv minn aktar minn 25,000 petizzjonant, qed jiġu njorati.
Skont rapporti fil-midja ta’ kummenti li għamel il-Ministru tas-Saħħa lbieraħ, il-Gvern se jkollu laqgħat dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-abort ma’ “firxa wiesgħa” ta’ stakeholders sal-ġimgħa d-dieħla jew ta’ wara.
Il-Prim Ministru ġie kkwotat jgħid ukoll li l-Gvern se jiltaqa’ ma’ kulħadd biex jifhem it-tħassib u l-biżgħat ewlenin ippreżentati mill-emenda u jifhem kull tħassib dwar kif jista’ jiġi abbużat.
Il-koalizzjoni Inti Tista’ Ssalvani kienet kitbet lill-Prim Ministru fl-1 ta’ Diċembru 2022 biex titlob “laqgħa urġenti”, iżda il-koalizzjoni għad trid tirċievi tweġiba.
Il-Koalizzjoni u l-Grupp ta’ 80 Espert iħeġġu lill-Gvern biex ġenwinament jikkonsulta filwaqt li jżomm mal-wegħda tiegħu li ma jintroduċix l-abort. Sal-lum jidher li l-Gvern irid jisma’ biss il-lobby favur l-abort, filwaqt li jinjora kompletament il-Koalizzjoni Int Tista Isalvani u l-Grupp ta’ 80 Espert appoġġjat minn aktar minn 25,000 petizzjonant.
Dr Miriam Sciberras Chairperson tal-Koalizzjoni tgħid “Aħna nifhmu li “kulħadd” ifisser aħna ukoll, u għalhekk nistennew li niġu ukoll ikkonsultati mill-Gvern”.
Hija ħasra li l-Ministru Fearne għażel li jpinġi t-tħassib ġenwin u razzjonali ta’ tant Maltin bħala ‘hype and frenzy’ sempliċiment għax ma joqogħdux fuq il-kelma tiegħu. Għandu jagħraf li l-proposta attwali għandha periklu inerenti u potenzjali li tiġi abbużata u li sempliċement bidliet kożmetiċi u l-kliem ieħor biex iserraħ l-moħħ min-naħa tiegħu ftit li xejn ibiddlu dan.
Il-Koalizzjoni u l-Grupp ta’ esperti huma impenjati li jippreżentaw proposti li jiżguraw il-protezzjoni tal-ommijiet f’sitwazzjonijiet ta’ theddida għall-ħajja. Dan filwaqt li jiżguraw li l-ħajja tat-trabi mhux imwielda tkun protetta mir-riskju ta’ terminazzjoni għal kwalunkwe raġuni mhux ġustifikata taħt it-terminu wiesgħa tal-kelma “saħħa”. Dan ikun sempliċement abort fuq talba.