Futbol Sport

Draw ġust bejn Floriana u Gżira United li jagħti opportunità lil-leaders Ħamrun biex ikabbru l-vantaġġ

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Rowen Camilleri

FLORIANA…………..1

GŻIRA U………………..1

Floriana: R. Cutajar, A. M. Overend, O. El Hasni, M. Veselji (J. Busuttil 52’), K. Reid, J. Arias, O. Spiteri (C. Z. Lonardelli 52’), L. Trillo (A. Garzia 76’), A. Melunovic, E. Callegari, S. Osestad (L. De Grazia 76’)

Gżira U: D. Zarkov, G. Bohrer, L. Tabone, N. Muscat (A. Borg 76’), S. Pisani, M. Dias (B. Borg 90+1’), L. Riascos (J. Mendoza 90+1’), T. Kolega, M. Cosic, M. Maia (L. Ribeiro 76’), J. De Assis

Skorjaw: Kemar Reid 5’ (F), J. De Assis 11’ (G)

Imwissija: M. Veselji 15’, E. Callegari 32’, J. Arias 43’, C. Z. Lonardelli 88’, A. Melunevic 90’ (F), G. Bohrer 24’, M. Dias 29’, S. Pisani 51’, L. Riascos 80’ (G)

Referee: Matthew Degabriele

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri u Vasil Vasilev

BOV Plejer tal-logħba: Jefferson De Assis (Gżira United)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Toni Kolega (Gżira United)

Wara erba’ rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat, Gżira United waqqgħu il-punti meta fl-ewwel logħba tas-Sibt fl-Istadium Nazzjonali kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Floriana. Din hija opportunità għal-leaders Ħamrun biex iżidu l-vantaġġ f’ras il-klassifika fejn rebħa kontra Birkirkara tkun tfisser li d-distakk isir dak ta’ 13-il punt.

Ir-riżultat kien wieħed ġust hekk kif il-logħob kien maqsum, bil-partita tiddiżappunta xi ftit fit-tieni taqsima bl-azzjonijiet lejn iż-żewġ lasti jkunu mill-inqas.

Floriana marru fil-vantaġġ wara ħames minuti logħob meta kien Kemar Reid li approfitta minn żball ta’ Gabriel Bohrer, u wara li avvanza, minn qagħda angolata għeleb lil Zarkov b.xutt fil-baxx.

Għaddew biss sitt minuti u Gżira ġabu d-draw minn azzjoni mibdija minn Kolega li tefa’ kross fil-kaxxa fejn sab lil Nikolai Muscat li x-xutt tiegħu spiċċa f’saqajn Jefferson De Assis li b’lasta vojta tefa’ fix-xibka bl-iskor lura f’parità.

Fid-39 minuta Jefferson De Assis b’azzjoni personali iżda x-xutt tiegħu kien wieħed ċentrali u Cutajar laqa’ tajjeb.

Ftit sekondi qabel it-tisfira ta’ tmiem l-ewwel taqsima, Reid għal Floriana jitfa’ ballun preċiż lejn Veselji, b’dab tal-aħħar javvanza u prova tentattiv fil-baxx li iżda kien fjakk u ma ħoloq l-ebda problema għal Zarkov.

B’din l-azzjoni tasal it-tisfira ta’ Matthew Degabriele u ż-żewġ timijiet jidħlu jistrieħu fi draw ta’ 1-1.

Kellna nistennew sad-69 minuta biex rajna azzjoni denja ta’ nota fit-tieni taqsima, b’din tasal minn Gżira fejn De Assis għadda lejn Maia li minn qagħda angolata prova xutt b’saħħtu li kien milqugħ parzjalment mill-goalkeeper żgħażugħ Reece Cutajar, bil-ballun jasal għand il-captain Nikolai Muscat li mill-viċin żbalja l-konklużjoni bil-ballun jispiċċa f’idejn il-goalkeeper ta’ Floriana,

Għaxar minuti mit-tmiem is-sostitut ta’ Floriana De Grazia prova tentattiv perikoluż minn bara l-kaxxa, bil-ballun jinżel fuq is-saqaf tax-xibka.

Fit-tielet minuta ta’ żin miżjud Floriana fuq l-attakk b’ħarba ta’ Kemar Reid max-xellug li wara li qabeż difensur tefa’ kross fil-kaxxa fejn sab lil Jan Busuttil li d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat mal-ġenb tax-xibka bl-illużjoni tal-gowl iżda l-ballun imur f’goal kick.

Din kienet l-aħħar azzjoni denja ta’ nota bit-tisfira finali tasal wara erba’ minuti ta’ ħin miżjud u biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed minn dan il-konfront.

Kemar Reid ta’ Floriana jirnexxielu jaqbeż lil Andrew Borġ ta’ Gżira (Ritratt: Josef Fitzpatrick)