It-tkabbir tal-popolazzjoni fl-aħħar 10 snin u l-mod kif kibret l-ekonomija qed tħalli piż kbir fuq is-setturi tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-infrastruttura u anke s-settur soċjali.
Hekk stqarr l-editorjal tat-Times of Malta fejn stqarr li l-Gvern jeħtieġ li jħares lejn tkabbir li jżid il-produttività u jsaħħaħ ix-xogħol lokali, mhux biss iżid il-produttività billi jġib il-ħaddiema minn barra.
Din l-analiżi saret fl-isfond tal-aħħar ċensiment illi juri li aktar minn wieħed minn kull ħames persuni li jgħixu f’pajjiżna huma ta’ nazzjonalità barranija. Fil-fatt, il-barranin jammontaw għal 115,449 – żieda ta’ ħames darbiet fl-aħħar għaxar snin.
L-editur fakkar li issa l-Ministru Clyde Caruana qed jara kemm fir-realtà l-influss ta’ barranin f’pajjiżna qed iġib piżijiet kbar. U issa jeħtieġ li dan il-mudell ekonomiku jkun irranġat u addattat biex ma jibqax piż fuq il-pajjiż.
Intqal li jeħtieġ riformi għall-ħaddiema barranin, kemm għal dawk li se jgħixu hawn fit-tul u anki dawk li se jgħixu f’Malta għal ftit żmien.
L-editorjal kompla li d-dipendenza fuq metodi ta’ produzzjoni b’pagi baxxi u bi prezz baxx hija strateġija li meta tħares lejha tinduna kemm hi insostenibbli. Dan qed iġib miegħu riskju li jonqos anki l-valur fis-servizzi tal-edukazzjoni u s-saħħa meta dawn ikunu mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-UE.
L-editur jgħid ukoll illi f’Malta huwa kruċjali li l-Gvern u l-awtoritajiet iwasslu inizjattivi li jgħinu li l-ħaddiema barranin ikunu stmati kif suppost, u dan jeħtieġ li jsir f’kull settur.
//= $special ?>