Lokali

“Il-pubbliku kultant jibża’ jagħti lill-Pulizija l-informazzjoni” – Johann Joseph Fenech

Il-pulizija tieqaf tfittex persuni li ilhom irraportati nieqsa snin twal? X’entitajiet ikunu involuti għat-tfittxija? U l-avviż meta joħroġ?

Dawn huma uħud mid-domandi li Net News għamel lis-Supretendent tal-Vice Squad Johann Joseph Fenech …u li tkellem magħna dwar il-proċess kollu  meta jkun hemm persuna mitlufa u kemm il-pubbliku jilgħab irwol importanti.

“Ħaġa tal-iskantament hija li ftit li xejn in-nies jgħinu, forsi għax jibżgħu, jew jiddejqu jew għax jidħlu f’xi basla. In-nies huma essenzjali. Aħna mhux se nkunu hemm barra l-ħin kollu. Kull informazzjoni, kull dettall għalina taf tidħlilna bibien ġodda għall-investigazzjoni”

Is-Supretendent Fenech spjegalna li l-avviż ta’ persuna nieqsa joħroġ minnufih.

“Ħafna drabi joħroġ dak il-ħin, ovvjament wara li nkunu għamilna stħarriġ, jekk f’każ li naraw li mhux se naslu, joħroġ avviż biex il-pubbliku jgħinna”

Huwa fisser ma’ Net News li l-mobile jgħin ħafna biex persuna tkun lokalizzat, jew jaghti idea tal-postijiet li kien fihom.

Is-Supetendent Fenech qalilna li t-tfittxija tirrikjedi entitajiet diversi, u tifrex mhux ħażin.

“Ġieli kellna l-klieb magħna tal-pulizija, ġieli użajna d-drones tal-forensika tagħna li jgħinu ħafna wkoll. Ġieli kella l-Forzi Armati ta’ Malta li jassistu speċjalment fi tfittxija fejn il-baħar”

L-appell tal-Pulizija hu li wieħed minnufih għandu dejjem ikellem il-Pulizija mill-aktar fis, biex il-ħidma  tibda mill-ewwel.

“Aktar ma jgħaddi l-ħin, anqas tonqos il-possibbiltà li nsibu l-individwu. Anki ċertu ħjiel huwa essenzjali li jidħol dak il-ħin”

Huwa qal li l-ħidma tal-Pulizija hija konġunta, u li l-ebda każ ma jitħalla fuq l-ixkaffa sakemm il-persuna tinstab.

“Hemm il-Victim Support Unit naħdmu id f’id, tagħmel xogħol essenzjali ħafna, hemm nies li għandhom taħriġ li jassistu lill-persuni li jkunu viċin il-vittma. Huwa importanti li l-qraba jkollhom aġġornament dak il-ħin, trid kontinwament iżżomm kuntatt għax huma importanti li jkunu aġġornati”