Lokali

Okkażjoni oħra fejn Ian Borg għandu xi jwieġeb – PN

Ilbieraħ, fil-Qorti, qarib tal-Ministru Ian Borg ġie akkużat li, waqt li kien impjegat ma’ Transport Malta, ta fastidju lil persuna oħra, hedded li se jitfa’ lil din il-persuna minn fuq l-irdum u ftaħar li għandu s-saħħa għax jiġi mill-Ministru.
Fid-dawl ta’ dan il-każ serju, il-Partit Nazzjonalista jinsisti li, immedjatament, il-Ministru Ian Borg għandu jispjega kif u meta l-qarib tiegħu ddaħħal jaħdem fi Transport Malta meta hu kien Ministru.

Dan qalu l-kelliem tal-PN Beppe Fenech Adami fi stqarrija.

Il-PN qal li Ian Borg għandu jgħid ukoll meta sar jaf li l-qarib tiegħu kien qed jagħti fastidju lil impjegata ta’ Transport Malta u anke kif dan il-qarib tiegħu ngħata promozzjoni u karozza minkejja r rapporti li saru fil-konfront tiegħu.

Hu faċli għall-Ministru li jipprova jiddistanzja lilu nnifsu mill-qarib tiegħu issa, meta fi żmien li kien Ministru responsabbli minn Transport Malta kulħadd għalaq għajnejh ghall-abbuż.

Għal dan kollu, il-Ministru għandu ħafna xi jwieġeb.