Futbol Sport

Premier Ingliż: Liverpool jegħlbu lil Newcastle United 2-0….Nick Pope se jitlef il-finali tal-Carabao Cup

Premier Ingliż: Liverpool jegħlbu lil Newcastle Utd….Nick Pope se jitlef il-finali tal-Carabao Cup

Liverpool kisbu ‘d-double’ fuq Newcastle United fil-league meta tard ilbieraħ huma għelbu lill-Magpies, 2-0, f’St James Park. B’din it-telfa Newcastle jibqgħu r-raba’ fil-klassifika – b’ħames punti wara Manchester United u meta huma jistgħu anki jinqabżu minn Tottenham Hotspur, li llum huma impenjati f’darhom ma’ West Ham United.

Newcastle – li bħallum ġimgħa jilgħabu l-finali tal-Carabao Cup ma’ Man Utd – sabu ruħhom minn taħt wara biss għaxar minuti, meta l-attakkant Urugwen tar-Reds, Darwin Nunez, irċieva mingħand Alexander-Arnold qabel sab ir-rokna tax-xibka minkejja t-tentattiv ta’ Nick Pope biex isalva.

Seba’ minuti wara, Liverpool irduppjaw meta Cody Gakpo mill-ġdid għeleb lil Pope fuq it-through-ball ta’ Mo Salah – bil-gowlkiper tal-Magpies imbagħad (fit-22 minuta) jintwera l-ħamra talli mess il-ballun b’idu barra l-kaxxa u fejn daħal jilgħab minfloku Martin Dubravka.

It-tkeċċija tfisser li Pope mhux se jkun eliġibbli għall-finali ta’ nhar il-Ħadd f’Wembley – bi Newcastle, wara, imorru qrib  b’header ta’ Dan Burn li stampa mal-lasta kif ukoll mit-tentattivi ta’ Schar u Saint- Maximin, bil-gowl ta’ konsolazzjoni ma jasalx.

B’din ir-rebħa, Liverpool telgħu t-tmienja fil-klassifika, bl-istess punteġġ bħal Brighton and Hove Albion (fis-seba’ post) u Brentford.