Futbol Sport

Premier League Ingliż: Rebħa drammatika għal Arsenal f’Villa Park….Man City miżmuma…Aktar inkwiet għal Chelsea

Arsenal mill-ġdid huma kmandi tal-Premier League Ingliż wara li għelbu, 4-2, lil Aston Villa f’Villa Park. Intant, iċ-Champions Ingliżi Manchester City kienu maħsudin minn gowl tard skurjat fis-City Ground u li kellu jiswa punt kruċjali għal Nottingham Forest fi draw ta’ 1-1.

Is-Citizens ta’ Pep Guardiola ftit jiem ilu kienu rebħu lil Arsenal, 3-1, fl-Emitrates Stadium u fejn urew superjorità assoluta fuq il-Gunners, li jridu anki jikkonfrontawhom f’darhom matul il-jiem li ġejjin. Iżda dan il-programm kapaċi jkun kruċjali ladarba jsiru l-kontijiet fl-aħħar tal-istaġun u wara li rriżulta ‘swing’ ta’ żewġ punti favur Arsenal, li anki lagħbu logħba anqas minn City.

Fl-ewwel logħba tal-programm, Aston Villa ħarġu determinati quddiem il-pubbliku tagħhom u malajr kisbu l-vantaġġ minn Ollie Watkins li avvanza u għeleb lil Ramsdale b’xutt għar-rokna wara biss ħames minuti.

Tmien minuti wara, il-Gunners kisbu parità bil-first-timer tremend ta’ Bukayo Saka, iżda kienu l-Villains li daħlu jistrieħu 2-1 minn fuq grazzi għal Philippe Coutinho (31) wara azzjoni veloċi li involviet diversi plejers.

Wara l-mistrieħ kienu Arsenal li dettaw il-logħba u meritatament kisbu d-dro minn Oleksandr Zinchenko (61) li fajjar xutt baxx li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Emi Martinez.

Il-logħba saret aktar kumbattuta u Villa marru qrib it-3-2 meta Leon Bailey sammar xutt mal-mimduda u b’Martin Odegaard ifalli ċans mill-aqwa għal Arsenal fuq l-assist tas-sostitut Gabriel Martinelli.

Fid-93 minuta wasal l-iżblokk deċiżiv għal Arsenal meta Jorginho xxuttja minn barra l-kaxxa, bil-ballun jaħbat mal-mimduda u ma’ dahar Martinez — li kien inxteħet minn tulu – qabel spiċċa ġewwa.

U mumenti qabel it-tmiem, Martinelli kellu l-aktar biċċa xogħol faċli biex jixħet il-ballun f’xibka vojta fuq kontra-attakk u wara li Martinez kien tela’ għal korner fi sforz iddisprat biex jgħin lil sħabu jiksbu l-gowl tad-dro.

Manchester City tilfu l-opportunità li jżommu l-ewwel post fil-klassifika wara li, b’sorpriża kbira, kienu miżuma 1-1 minn Nottingham Forest.

Is-Citizens kisbu l-vantaġġ fl-ewwel taqsima meta Bernardo Silva (41) sab is-saqaf tax-xibka b’xutt bomba fuq l-assist ta’ Kevin de Bruyne.

Man City imbagħad tilfu diversi ċansijiet ta’ skor, b’Erling Haaland jolqot il-mimduda b’volley qabel spara għoli mir-rebound u bil-gowlkiper ta’ Forest, Kaylor Navas, iwettaq save brillanti fuq id-daqqa ta’ ras ta’ Aymeric Laporte.

Fl-84 minuta waslet id-doċċa kiesħa għal City meta l-kross baxx ta’ Morgan Gibbs-White sab lil Chris Wood żmarkat u li xeħet ġewwa għall-ewwel gowl personali bil-flokk ta’ Notts Forest.

L-istaġun deludenti għal Chelsea kellu jirriserva disfatta oħra, bil-Blues ta’ Graham Potter jagħlqu ġimgħa diżastruża ( wara t-telfa ma’ Borussia Dortmund fiċ-Champions League) b’telfa ma’ Southampton – it-tim tal-qigħ – fi Stamford Bridge.

Il-gowl uniku li deċieda l-logħba wasal minn James Ward-Prowse ( 45+1) li mill-ġdid sab ix-xibka bi freekick imprendibbli u għall-vantaġġ tas-Saints qabel il-mistrieħ.

Intant, Southampton – li għadhom mingħajr manager uffiċjali – irnexxielhom jiddefendu r-riżultat sal-aħħar u minkejja li r-referi, David Coote, fit-tieni taqsima, żied 14-il minuta mal-ħin regolamentari minħabba injury għall-captain ta’ Chelsea Cesar Azpilicueta li kellu bżonn l-ossiġnu qabel ħareġ ‘il barra fuq stretcher. Dan ukoll wara li d-difensur tas-Saints, Perraud, irnexxielu jaqla’ il-ballun minn fuq il-linja wara t-tentattiv ta’ Raheem Sterling.

Din it-telfa anki tfisser li Chelsea – li f’Jannar nefqu mas-600 miljun Sterlina fuq plejers ġodda — rebħu darbtejn biss fl-aħħar 14-il konfront fil-kompetizzjonijiet kollha.

Everton kisbu rebħa mill-aktar importanti, 1-0, fir-‘relegation six-pointer’ ma’ Leeds United f’Goodison Park. Intant, kien il-veteran Seamus Coleman li ħadem il-gowl importanti f’nofs it-tieni taqsima u għal riżultat li, għalissa, ibiegħed lit-Toffees miz-zona l-ħamra tal-klassifika.

Il-gowl ta’ Coleman wasal fl-64 minuta meta l-gowlkiper ta’ Leeds Illan Meslier ikkalkula ħażin ix-xutt tad-difensur lejn l-ewwel lasta u bil-ballun jispiċċa fix-xibka fost il-ferħ tal-partitarji ta’ Everton. Din kienet it-tieni rebħa għal Everton taħt il-manager ġdid Sean Dyche waqt li Leeds, b’din it-telfa, niżlu fid-19-il-post tal-Premier League u għadhom mingħajr rebħa mindu Michael Skubala ħa t-tim f’idejh, proviżorjament, wara t-tkeċċija ta’ Jesse Marsch.

Brentford żiedu s-sekwenza ta’ logħob (fil-Premier League) mingħajr telfa għal ħdax-il-logħba wara li salvaw dro ‘in-extremis’, 1-1, ma’ Crystal Palace fil-Community Stadium.

Palace kienu marru fil-vantaġġ mis-sostitut Eberechi Eze (70) wara li rċieva mingħand Michael Olise, iżda fis-96 minuta, Vitaly Janelt daħal bħal sajjetta għall-kross ta’ Bryan Mbeumo biex ippreserva l-‘unbeaten run’ għall-Bees li ilhom ma jitilfu fil-kampjonat mid-29 ta’ Ottubru.

Gowl minn Manor Soloman skurjat żewġ minuti mit-tmiem kien biżżejjed biex jagħti rebħa lil Fulham fuq Brighton and Hove Albion fl-Amex Stadium. B’din ir-rebħa, il-Cottagers qabżu lill-istess Brighton u jinsabu s-sitta fil-klassifika – punt wieħed biss wara Tottenham Hotspur.

Qabel il-gowl Fulham kienu ħallew l-inizjattiva tgħaddi lill-avversarji, bis-Seagulls jiddominaw għal ħafna ħinijiet mingħajr ma jisfruttaw diversi ċansjijiet ta’ skor u fejn anki kellhom żewġ ‘gowls’ imħassrin għal offside.

It-taqtigħa lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika qed tiżvolġi f’waħda ferm interessanti, b’Wolverhampton Wanderers – li kienu wrew forma brillanti fl-aħħar logħbiet  — ibaxxu rashom kontra Bournemouth f’Molineux, bil-gowl uniku ta’ Marcus Tavernier ( 48) jiddeċiedi l-konfront.

Tavernier, li kien qed jibda għall-ewwel darba minn Novembru, żgiċċa lid-difiża fuq l-assist ta’ Dominic Solanke biex xeħet ġewwa mingħajr diffikultà – u b’Wolves ma jkollhom l-ebda risposta għal dan il-gowl. Din kienet biss it-tieni rebħa għaċ-Cherries barra minn darhom f’dan l-istaġun u meta huma telgħu s-17 fil-klassika, żewġ punti biss taħt l-istess Wolves u meta t-tims qed javviċinaw l-aktar fażi kruċjali tal-istaġun.