Lokali

18,000 dar li jiddependu mill-aerial tat-televiżjoni jistgħu jispiċċaw bla stazzjonijiet fil-futur immedjat

Ċirka 18,000 dar li jaqbdu l-istazzjonijiet tat-televiżjoni bl-aerial mingħajr ħlas, fil-futur immedjat jistgħu jispiċċaw bla stazzjonijiet hekk kif kollox jindika li l-Public Broadcasting Services (PBS) se jitfi s-sinjali li jibgħat lill-aerials.

Jirriżulta li l-Public Broadcasting Services ilu diversi ġimgħat jirreklama avviż li jinforma lit-telespettaturi li se jkun qed jitfi dan is-sinjal u għalhekk min se jkun effettwat seta’ jċempel lill-istess Public Broadcasting Services biex ikun infurmat aktar dwar dak li se jkun qed jiġri.

Ingħad ukoll dawn it-telespettaturi se jkunu infurmati b’dak li se jkun qed jiġri sa tmiem Jannar li għadda. Iżda Jannar għadda u lil dawn it-telespettaturi baqa’ ma informahom ħadd.

Issa qed jirriżulta li dan is-sinjal se jintefa’ mill-Public Broadcasting Services lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar, madankollu jidher li kollox hu ċirkolat minn konfużjoni dwar dak li tassew se jkun qed jiġri.

Peter Agius, Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, f’kumment dwar din il-kwistjoni qal li hu jħeġġeġ lill-Ministri responsabbli biex jassiguraw id-dritt tat-telespettaturi għall-informazzjoni dwar il-ġrajjiet kurrenti u dan b’mod liberu u mingħajr ħlas.

Dan joħroġ ċar ukoll mil-Liġi tax-Xandir kif ukoll mil-Liġi Ewropea. Fuq kollox il-Gvern għandu d-dmir li jinforma lin-nies dwar x’se jkun qed jiġri u mhux iħalli lin-nies fl-ansjetà li anqas jafu hux se jkollhom stazzjonijiet f’Marzu li ġej, temm Peter Agius