Kultura Lokali

BIR-RITRATTI: Il-Karnival fil-Belt Valletta matul il-jum tal-Ħadd

Il-Belt Kapitali kompliet timtela’ kuluri, karrijiet u kostumi matul il-ġurnata tal-Ħadd fejn kompla jiġi ċċelebbrat il-Karnival.

It-temp sabiħ offra sfond ideali ghall-ispettaklu ta’ briju, fejn ma naqasx li jispikka l-element tat-tfal u ż-żgħażagħ bil-maskri kkuluriti… kif ukoll il-kostumi mill-isbaħ ta’ karattri varji – minn films, għal leġġendi, supereroj u prinċipessi.

Id-dilettanti li tkellmu ma’ NET News esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li t-temp ippermetta.. B’hekk, almenu, setgħu jaraw frott xogħolhom jitgawda minn dawk preżenti – xogħol mimli sigħat ta’ provi, żfin, passjoni u dedikazzjoni – arti unika Maltija.

Ritratt: Martin Agius

Fil-Belt, minbarra l-ispettaklu li mela Pjazza San Ġorġ bl-ilwien, fi Triq San Ġwann ittellgħet it-tradizzjoni tal-Qarċilla … xena satirika ta’ żwieg ta’ koppja, bil-parteċipazzjoni ta’ nutar li jaqra kuntratt taż-żwieġ mimli kitba mqabbla, mimlija ħmerijiet u botti.

Din is-sena b’kitba ta’ Alex Vella Gregory b’direzzjoni ta’ Joseph Galea u mużika ta’ Albert Garzia.

Il-Qarċilla oriġinarjament inkitbet għall-Karnival fl-1760 minn Dun Feliċ De Marco. Il-Qarċilla hi farsa bil-Malti u mitt sena ilu kienet fost l-aktar attivitajiet mistennija fil-Karnival. Il-protagonist ikun raġel liebes ta’ nutar li jaqra l-kuntratt taż-żwieġ lill-għarajjes. Jiffoka l-aktar l-affarijiet li l-għarajjes iridu jkunu jagħtu lil xulxin fiż-żwieġ tagħhom.

Ritratt: Martin Agius

Wara diversi snin, il-Qarċilla kompliet tikber u tevolvi b’żieda ta’ diversi karattri oħra li jkomplu jżidu kemm mal-istorja ta’ dan it-tieġ tal-karnival, kif ukoll maċ-ċajt li joħroġ waqt din il-farsa.

Il-jiem tal-bluha, divertiment u lwien ikomplu t-Tnejn u t-Tlieta, bil-Gran Finale fi Triq Sant Anna fil-Furjana mis-6pm ‘il quddiem.

Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius