Futbol Sport

Draw bejn Ħamrun u Birkirkara li ma jibdel xejn fil-klassifika

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

ĦAMRUN S…………….0

BIRKIRKARA………….0

Ħamrun S: H. Bonello, S. Borg, M. Guillaumier, E. Mashike (K. Holmberg 77’), R. Prsa (V. De Freitas 69’), O. Bjelicic, J. Corbalan, J. Robert (L. Montebello 77’), J. Mbong, E. Marcelina, R. Camenzuli (E. Bruno 40’)

Birkirkara: G. Nava, O. Iorio, A. Da Paixao (K. Tulimieri 28’), Y. Yankam, P. Mbong (N. Micallef 90’), K. Zammit, M. Fedele (A. Ciolacu 90’), C. Attard, S. Zibo, A. Coppola, D. Ribeiro

Imwissija: M. Fedele 37’, O. Iorio 90’, C. Attard 90’ (B), S. Borg 42’, J. Mbong 62’, J. Corbalan 90’ (Ħ)

Tkeċċa: S. Borg 90+2’ (Ħ)

Referee: A. Johnson

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri u James Muscat

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Simon Zibo (Birkirkara)

BOV Plejer tal-logħba: Alessandro Coppola (Birkirkara)

Għat-tieni darba f’dan l-istaġun il-konfront bejn Ħamrun Spartans u Birkirkara spiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls f’partita li kienet nieqsa mill-azzjonijiet. B’dan id-draw Ħamrun żammew vantaġġ ta’ 11-il punt fuq Gżira United filwaqt li Birkirkara żammew posthom fit-tielet post.

Ħamrun perikolużi wara biss ħames minuti meta minn kross ta’ Guillaumier kien Joseph Mbong li prova mill-ewwel iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet ftit barra.

Fl-20 minuta Guillaumier seraq ballun f’nofs il-grawn lil Da Paixao u għadda lejn Jonny, bil-Brażiljan javvanza u jipprova xutt minn barra iżda dan kien ċentrali wisq u Nava laqa’ faċilment.

L-azzjonijiet fl-ewwel taqsima kienu mill-inqas biż-żewġ goalkeepers ma kienu qatt impenjati serjament biex iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr gowls.

Fis-57 minuta Bjelicic għadda lejn Elvis li dan ħarab mal-linja u daħal fil-kaxxa fejn minn qagħda angolata prova tentattiv lejn il-lasti iżda kien blukkat minn Coppola u mdawwar f’korner.

Ħamrun spiċċaw jilagħbu l-aħħar ftit minuti tal-konfront bi plejer inqas meta Steve Borg intwerà t-tieni karta safra.

Fit-tielet minuti tal-ħin miżjud azzjoni rari lejn il-lasti ta’ Ħamrun meta minn free kick ta’ Tulimieri kien Andrea Ciolacu li bir-ras impenja lil Bonello li kellu jdawwar f’korner.

Ir-riżultat sa tmiem il-partita baqa’ ma nbidilx bl-iskor jibqa’ ma jinfetaħx biex iż-żewġ timijiet ħadu punt kull wieħed f’partita bilanċjata.