Lokali

Fatturi nkwetanti fis-swieq tax-xogħol u fl-industriji

“Hu tat-tħassib kif pajjiżna għandu l-ogħla rata fl-Unjoni Ewropea ta’ tfal li joħorġu daqstant kmieni mill-bankijiet tal-iskola u jispiċċaw fis-suq tax-xogħol.

Filwaqt li wieħed jistaqsi fejn qed jispiċċaw jaħdmu dawn il-ħaddiema, ċioè dawn it-tfal ta’ età żgħira għaliex ikunu telqu kmieni mill-bankijiet tal-iskola mingħajr ebda ħiliet speċjalizzati, fakkar li l-ħaddiema barranin li qed jinġiebu bl-addoċċ fil-gżejjer Maltin qed jispiċċaw jieħdu dawk il-postijiet tax-xogħol li jistgħu jittieħdu mill-ħaddiema Maltin. U dawn il-ħaddiema barranin qed jieħdu dawn il-postijiet tax-xogħol b’pagi ferm anqas.

Aktar inkwetanti minn hekk, qed jirriżulta li l-Gvern Laburista mhux qed jirnexxielu jagħraf il-bżonnijiet f’termini ta’ ħiliet li għandha bżonn l-industrija u allura ma jistax ikun jaf x’tip ta’ taħriġ għandu jingħata liż-żgħażagħ ħalli b’hekk ikun qiegħed jinvesti ħalli dawn isibu ruħhom fis-swieq tax-xogħol f’pajjiżna stess u b’pagi tajbin.

Hu stat ta’ fatt – stat ta’ diqa – ħafna żgħażagħ qed jesprimu x-xewqa li jkollhom l-opportunità li jmorru jaħdmu lil hinn minn Malta. Dan hu tat-tħassib kif ħafna żgħażagħ fil-fatt qed jippakkjaw il-bagalji tagħhom u jmorru jfittxu futur – xogħol – lil hinn minn xtutna.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha Ivan Castillo, il-Kelliem dwar ix-Xogħol u l-Marittimu f’isem il-Partit Nazzjonalista, f’intervista li għamiltlu aktar kmieni din il-ġimgħa dwar kif inhu sejjer is-suq tax-xogħol fil-gżejjer Maltin.

Ivan Castillo beda biex jitkellem dwar is-sitwazzjoni attwali fis-Settur Pubbliku u anki fl-awtoritajiet u fl-aġenziji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern u qal li s-sitwazzjoni attwali skont l-aħħar Skills Gap Survey li għamel il-Gvern turi li 41 fil-mija tal-ħaddiema fiċ-Ċivil huma over qualified. Dan ifisser li apparti l-fatt li l-Gvern mhux qed jutilizza lil dawn il-ħaddiema b’mod għaqli, ifisser ukoll li l-Gvern qiegħed jikkompeti direttament mas-Settur Privat.

Hu evidenti li l-Gvern qed jikkrea sitwazzjoni fejn qiegħed iżid il-brain drain u n-nuqqas ta’ ħiliet bżonnjużi fis-Settur Privat u qiegħed iħalli vojt fl-istess Settur Privat.

Nista’ nistqarr kif din problema serja ħafna fl-industrija tat-turiżmu fejn diversi ristoranti mhumiex isibu ħaddiema Maltin jew Għawdxin litteralment għaliex dan spiċċaw ingaġġati fiċ-Ċivil. Din hi sitwazzjoni evidenti ħafna f’Għawdex fejn ċerti ristoranti jew qed jispiċċaw ma jistgħu jiftħu kemm jixtiequ jew inkella qed jispiċċaw ma jagħtux is-servizz li kienu rinomati għalih. Jistqarru sidien ta’ dawn ir-ristoranti kif jaqbadhom il-biki meta jiftakru li kellhom ħaddiema Għawdxin imħarrġa li spiċċaw telqu minn magħhom għas-sempliċi raġuni li kienu offruti impjiegi fiċ-Ċivil. Tajjeb li wieħed jgħid li hemm mal-55 fil-mija tal-Għawdxin jaħdmu mal-Gvern.

Ivan Castillo kompla li l-fatt li l-Gvern qiegħed jelimina lis-Settur Privat għar-rigward tal-ħiliet, qiegħed iwassal biex iwaqqaf l-iżvilupp ekonomiku u l-prospetti tat-tkabbir tal-ħaddiema infushom jistgħu jikkmandaw salarji ogħla għall-ħiliet li għandhom darba dawn jingħaqdu fiċ-Ċivil.

Filwaqt li rrifera għal Mistoqsija Parlamentari li hu għamel dwar il-pagi tal-ħaddiema Maltin, qal li jidher biċ-ċar li n-numri huma tal-biża’ għaliex hemm mal-91 fil-mija tal-ħaddiema barranin li qed jaqilgħu anqas minn €30,000 fis-sena.

Wara studju li sar mill-General Workers’ Union u Graffiti jirriżulta li dan hu l-ammont li għandha bżonn familja biex tkun tista’ tgħix ħajja deċenti. Allura kif jista’ jkun li dawn il-familja kemm-il darba ma jistgħux jgħixu ħajja deċenti huma, allura kif wisq aktar jistgħu jikkontribwixxu għall-ekonomija tal-pajjiż. Għaliex dawn huma familji li qed jirriżulta li anqas biss jistgħu jagħmlu kapriċċ.

Sadattant hi inkwetanti ħafna ċ-ċifra ta’ dawk il-ħaddiema Maltin – mas-sebgħin fil-mija – li wkoll jaqilgħu inqas minn €30,000 fis-sena.

Mistoqsi dwar il-paga minima nazzjonali, Ivan Castillo spjega li Malta għandha t-tliet l-inqas żieda fil-paga minima statutorja fl-Unjoni Ewropea. Dan ħareġ mill-Ewro Fund fil-jiem li għaddew.

B’kuntrast ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa, fosthom is-Slovenja fejn il-paga minima nazzjonali żdiedet b’102 fil-mija, jew inkella l-Litwanja fejn il-paga minima nazzjonali żdiedet b’262 fil-mija, Malta l-paga minima nazzjonali żdiedet biss b’26 fil-mija.

Ivan Castillo qal li dan juri bl-aktar mod ċar li l-ħaddiema ma jistgħux jilħqu maż-żidiet tal-għoli, u wisq inqas jistgħu jgħixu ħajja deċenti. In-numri jitkellmu waħdihom u jidher ċar li teżisti wage gap enormi

fis-soċjetà Maltija. Il-Gvern Laburista rnexxielu joqtol għalkollox dik li kienet magħrufa bħala l-middle class.

Hawnhekk staqsejt lil Ivan Castillo dwar il-fatt li żewġ ħaddiema fiċ-Ċivil, preċiżament fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), spiċċaw imkeċċija mix-xogol tagħhom. Hu qal li fuq punt ta’ prinċipju, il-Partit Nazzjonalista ma jista’ qatt joqgħod sieket meta jara żewġ ħaddiema li mhux biss jispiċċaw bla paga u dan b’mod illegali, imma li jitkeċċew mix-xogħol irrispettivament mill-union li tirrappreżentahom.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien konxju li l-unions li għandhom ir-rikonoxximent fil-post tax-xogħol għandhom ikollhom ukoll il-benefiċċji kollha li ġġib magħha tali rikonoxximent. Fosthom il-ftehim kollettiv u li jkunu huma biss li jagħmlu tilwim kollettiv.

Imma wieħed irid iżomm ukoll f’moħħu lil dawn il-unions li m’għandhomx ir-rikonoxximent fil-post tax-xogħol tagħhom iżda li wkoll għandhom id-drittijiet tagħhom, fosthom dawk li jirrappreżentaw lill-ħaddiema individwali f’dak it-tali post tax-xogħol.

Ivan Castillo qal li hu jiftaħar bil-unions Maltin għaliex jaf li għandhom għal qalbhom ir-relazzjonijiet industrijali iżda fl-istess ħin kulħadd għandu jżomm f’moħħu l-interess aħħar tal-ħaddiema. U għalhekk kollox għandu jsir b’mod għaqli u fil-parametri tal-Liġi Maltija biex qatt u qatt ma jiġru affarijiet bħal dawn fejn żewġ ħaddiema tkeċċew mill-post tax-xogħol tagħhom bl-aktar mod arbitrarju.

Ivan Castillo awgura li din is-sitwazzjoni xejn sabiħa ta’ dawn iż-żewġ ħaddiema tirrisolva ruħha billi l-istess żewġ ħaddiema jiddaħħlu mill-ġdid fil-post tax-xogħol tagħhom u jingħataw il-flus dovuti lilhom.

Fakkar kif il-Partit Nazzjonalista għamel riferenza għal din is-sitwazzjoni xejn sabiħa għaliex kull union li hawn fil-pajjiż għandha tkun trattata b’rispett, filwaqt li tingħata widen skont il-Liġi Industrijali f’pajjiżna.

Tkellimna hawnhekk dwar il-ħaddiema barranin fil-gżejjer Maltin u Ivan Castillo qal li l-viżjoni ekonomika tal-Gvern Laburista hi evidenti li llum falliet għalkollox. L-idea li l-Gvern Laburista jifqa’ lil dan il-pajjiż bil-ħaddiema barranin u mingħajr il-ħiliet li għandha bżonn l-industrija, qed twassal biex ikollna pagi baxxi. Mhux biss,

imma dan kollu qed iwassal għal stress qawwi fuq l-istil tal-ħajja tagħna.

Il-politika ta’ ftut totali li qed jadotta l-Gvern Laburista – politika mingħajr viżjoni u bla ebda bażi ta’ xi studji xjentifiċi – biex jara l-industriji fil-pajjiż x’ħiliet partikulari għandhom bżonn u hekk idaħħal ħaddiema skont il-ħiliet li tassew hawn bżonn, waslet biex illum il-ġurnata għandna ħaddiema barranin b’ħiliet tassew baxxi.

Dan flok ma sar l-investiment kollu meħtieġ biex ikunu introdotti fil-pajjiż setturi ta’ valur miżjed fejn hekk ikollna ħaddiema mħarrġa u ta’ valur miżjud u hekk ikollna aktar setturi fejn irendu pagi ogħla milli huma fil-preżent.

Ivan Castillo kompla li din se tkun daqqa kbira għall-ekonomija ta’ pajjiżna u biex pajjiżna jsir attraenti għal settur ġodda ta’ impjiegi b’valur miżjud għaliex pajjiżna qed jitlef ħaddiema li għandhom ħiliet għolja. Il-Gvern Laburista mhux jaħseb kif se jagħmel tajjeb għall-brain drain li qed jesperjenaw is-swieq tax-xogħol f’pajjiżna u dan hu tat-tħassib.

Skont l-istħarriġ li l-Gvern għamel fir-rigwad tal-iSkill Gap, jirriżulta li 35 fil-mija tal-poplu hu over qualified. Dan ifisser li l-Gvern mhux jikkrea biżżejjed opportunitajiet għall-ħaddiema biex jaħdmu skont il-ħiliet u l-għarfien tagħhom.

Jekk din is-sitwazzjoni se tibqa’ ma tkunx indirizzata, allura f’pajjiżna se jkompli jiżdied l-ammont ta’ żgħażagħ u ħaddiema ġodda li allura jiddeċiedu li jitilqu minn pajjiżna biex jagħmlu futur lilhinn minna.

Li jkollok ammont daqstant kbir ta’ ħaddiema li jkunu over qualified, iżda li ma jkunux qed jaħdmu fis-settur li jkun jirrifletti l-kwalifikazzjonijiet u l-ħiliet tagħhom, ifisser biss li l-pajjiż ma jkunx qed idaħħal lura l-investiment li jkun għamel fiż-żgħażagħ fl-edukazzjoni tagħhom kif ukoll ikun qed jillimita t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Ikun ukoll qed jillimita l-potenzjal tat-tkabbir fil-pagi tal-ħaddiema tagħna.

Ivan Castillo temm li hu jemmen ħafna fil-ħaddiem Malti u jemmen ukoll fil-potenzjal tiegħu u jemmen ukoll li kemm-il darba wieħed jinvesti fih, allura l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikollhom pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u jkunu jistgħu jikkontribwixxu aktar huma nfushom lejn l-ekonomija tal-pajjiż.

Fil-jiem li għaddew rajna l-abbiltajiet u d-determinazzjoni tal-ħaddiem Malti meta f’nofs ta’ maltempata qawwija baqa’ għaddej jistinka biex jiżgura li s-servizzi essenzjali ta’ pajjiżna jibqgħu għaddejjin. Nirringrazzja lil dawn il-ħaddiema għall-kontribut tagħhom u nipproponi li kif sar fil-passat, lil dawn il-ħaddiema li ħadmu bla heda f’kundizzjonijiet diffiċli, ikunu ppremjati.