Fil-jiem li għaddew meta pajjiżna ntalaqat mill-maltemp, ħareġ ċar daqs il-kristall li l-Gvern immexxi minn Robert Abela qed jaħseb biss biex jiggarantixxi l-provvista tal-elettriku meta jkun hawn il-bnazzi. Mill-bqija meta pajjiżna jintlaqat mill-maltemp, il-Gvern Laburista jirriżulta li m’għadu l-ebda soluzzjoni biex fid-djar u fil-postijiet tax-xogħol il-provvista tal-elettriku tkun garantitha.
Qal dan id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut li hu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija, meta kuntattjat minn Il-Mument dwar dak li seħħ fl-aħħar jiem meta ripetutament partijiet mill-gżejjer Maltin spiċċaw fid-dawl u mingħajr provvista tal-elettriku.
Mark Anthony Sammut beda biex spjega li llum qed naraw sitwazzjoni fejn minkejja l-investiment kollu li għamel il-Gvern Laburista għall-qasam tal-enerġija, issa qed jirriżulta li dan l-investiment jiffunzjona biss fil-bnazzi.
Hu qal li minkejja l-ħafna wegħdiet li konna smajna li bil-Power Station tal-Electrogas se jissolvew il-problemi fl-enerġija, il-poplu spiċċa b’Power Station li taħdem biss fil-bnazzi.
Dan hekk kif, waqt il-maltemp tal-jiem li għaddew din kellha tintefa’ biex it-tanker jinqala’ minn mal-moll minħabba l-periklu li kien fih, kif ġara proprju fi tmiem il-ġimgħa l-oħra.
Aktar minn hekk, l-Enemalta ilha x-xhur tiffaċċja kriżi fid-distribuzzjoni, hekk kif ħafna nies, ta’ sikwit, qed jispiċċaw bil-vultaġġ tad-dawl jilgħab jew saħansitra bid-dawl maqtugħ għalkollox meta jistallaw Over & Under Voltage Protection Relay kif titlob il-Liġi.
Dan frott in-nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura u fin-network tal-elettriku, partikolarment meta wieħed jikkunsidra ż-żieda fil-popolazzjoni u fil-binjiet ġodda.
Filwaqt li Mark Antony Sammut sellem lill-ħaddiema u lill-inġiniera tal-Enemalta u qal li dawn qed iħabbtu wiċċhom ma’ din il-kriżi u li, flimkien mal-poplu, qed iħallsu l-prezz tas-snin li fihom il-prijorità tal-Gvern Laburista kienu l-windfarms fil-Montenegro u l-kumpaniji fil-Panama minflok l-investiment li għandna bżonn fis-security of supply, kemm mil-lat ta’ ġenerazzjoni kif ukoll ta’ distribuzzjoni.
Hu qal li dak li ġara l-ġimgħa l-oħra kien li kellha tintefa’ wkoll nofs il-Power Station tal-BWSC li nofsha kienet inqalbet għall-gass.
Il-Partit Laburista, qabel l-2013 meta kien ippreżenta l-pjani tiegħu għall-enerġija, kien qal li se jinvesti f’żewġ tankijiet kbar fuq l-art u li allura fihom ikun hemm ħażniet adekwati. U dan għal tul is-sena kollha.
Wara l-elezzjoni tal-2013, il-Gvern Laburista kien dawwar kollox u ġab ot-tanker li minnu ddaħħlu l-kummissjonijiet minn taħt mingħand l-aġent tat-tanker lill-kmupaniji sigrieti tal-imprenditur Jurgen Fenech u liema kumpaniji kellhom jgħaddu €5,000 kuljum lill-Eks Ministru Konrad Mizzi u lill-Eks Chief of Staff Keith Schembri!
Mark Anthony Sammut kompla li issa, aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministru Miriam Dalli ma ċaħditx li t-tanker kellu jinħareġ ’il barra mill-moll u dan kollu f’nofs tal-maltemp… proċedura li ħadet lill-ħaddiema tliet sigħat jissieltu fil-maltemp f’nofs ta’ baħar u b’sogru kbir għal ħajjithom filwaqt li dawk li gawdew minn dan il-proġett għadhom jiġġerrew barra… u jista’ jkun li għadhom idaħħlu mal-€5,000 kuljum f’kummissjonijiet minn taħt!
Mark Anthony Sammut kompla li dan kollu jfisser li waqt il-maltemp pajjiżna għar-rigward tal-enerġija qed ikollu jistrieħ fuq l-interconnector li għamel il-Gvern Nazzjonalista, fuq nofs il-power station tal-BWSC li għamel ukoll il-Gvern Nazzjonalista u li l-Gvern
Laburista kien biegħ liċ-Ċiniżi u fuq numru ta’ magni diesel li kienu saru fis-snin disgħin f’Delimara meta l-Partit Nazzjonalista kien fit-tmexxija ta’ pajjiżna.
“Jiġifieri filwaqt li l-investiment tal-Gvern Laburista hu tajjeb għall-bnazzi biss, pajjiżna għadu jistrieħ fuq l-investimenti li kien għamel il-Gvern Laburista.” Issokta Mark Anthony Sammut li żied li: “ Filwaqt li wieħed jifhem li fil-maltemp ikun hemm xi qtugħ ta’ dawl u din mhix xi ħaġa ta’ barra minn hawn, wieħed jibqa’ skantat kif il-Gvern Laburista jibqa’ ma jkunx onest mal-poplu hekk kif dan tefa’ t-tort fuq l-interconnector meta mhux il-każ.”
Hu spejga li tul il-maltempa l-interconnector kien qiegħed kontinwament iġorr aktar minn 225MW li hu ddisinjat għalihom.
Kompla li aktar kmieni din il-ġimgħa hu mar fil-Parlament bil-provi
filwaqt li l-Ministru Miriam Dalli ġiet biss bil-paroli.
Mistoqsi dwar kif tista’ tinkiseb l-informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija f’Malta, hu qal li wieħed irid japprezza li l-informazzjoni dwar l-energija f’Malta hi għalkollox sigrieta mentri li l-informazzjoni fuq l-interconnector jista’ jikisbha minn fuq network tal-enerġija Taljan fejn kollox hu trasparenti. Trasparenti f’ħin reali u anki b’mod storiku!
Mark Anthony Sammut spjega li l-Ministru Miriam Dalli naqset meta biex tipprova tiġġustifika li għamlet stqarrija għalkollox irrespopnsabbli qalet li l-politika tal-enerġija tal-Gvern Laburista sserraħ fuq il-fatt li jgħaddu 350MW minn cable ta’ 225MW basta jiċċekkjawlu t-temperatura.
Hu qal li dan ikun qed joħloq riskju li jikkawża sħana żejda u ħsarat fl-insulation tal-cable. Wieħed irid jiftakar li dan hu cable twil 120 kilometru u ħafna minnu hu taħt il-baħar jew taħt l-art.
Mark Anthony Sammut kompla li għall-grazzja t’Alla fl-aħħar ħames snin l-inġiniera tal-Enemalta qatt ma ħadu l-parir tal-Ministru Miriam Dalli li jgħaddu t-350MW – nerġija eċċessiva – minn fuq l-interconector. Dan kollu jfisser ukoll, u issa aktar minn qatt qabel, li
bla interconnetor Malta, fil-maltemp, tintefa’ u tispiċċa bla dawl.
Hawnhekk hu staqsa lill-Ministru Miriam Dalli x’kien jiġri kieku dak li ġara fil-maltemp ta’ dawn il-jiem, ġara fi żmien meta l-interconnector kien qed jissewwa! “U issa aktar minn qatt qabel ħareġ biċ-ċar li l-Ministru m’għandhiex idea ta’ kif se tforni l-ammont ta’ enerġija li għandu bżonn il-pajjiż.”
Hu żied li apparti l-fatt li fejn tidħol il-ġenerazzjoni tal-elettriku l-Gvern Laburista ħaseb biss għall-bnazzi, issa qed jirriżulta wkoll li fejn tidħol id-distribuzzjoni tal-elettriku, in-nies anqas fil-bnazzi mhuma jinqdew. Għax in-nuqqas ta’ investiment fin-network fl-aħħar snin – fejn żdied ħafna l-bini, żdiedet ħafna l-popolazzjoni, kibret id-domanda għax qed inħeġġu għall-użu tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku, qed iwassal biex ħafna nies ikollhom vultaġġ inistabbli
Issa qed jirriżulta li l-Enemalta ilha x-xhur tiffaċċja kriżi fid-distribuzzjoni, hekk kif ħafna nies, ta’ sikwit, qed jispiċċaw bil-vultaġġ tad-dawl jilgħab jew saħansitra bid-dawl maqtugħ għalkollox meta jistallaw Over & Under Voltage Protection Relay kif titlob il-Liġi.
Issa għandna sitwazzjoni li qed tkompli tiżviluppa fejn in-nies qed ikollhom jagħżlu li jew joqogħdu bla dawl jew jirriskjaw li jaħarqu l-appliances minħabba din il-problema.
Dan żgur li mhux is-security of supply li konna nisimgħu tant dwaru u li hu l-bażi għall-kwalukwe żvilupp f’pajjiż Ewropew u suppost modern!
Mark Anthony Sammut temm josserva li ħafna toroq qed ikollhom jgħaddu ħafna ħin mingħajr il-provvista tal-elettriku u allura toroq li jkunu bla dawl. Din hi sitwazzjoni li bdiet ħafna qabel il-maltemp tal-aħħar jiem. X’qed jiġri?
//= $special ?>