Għada s-sentenza dwar l-iżbilanċ fix-Xandir Pubbliku u nhar il-Ġimgħa s-sentenza biex it-tliet sptarijiet pubbliċi misruqa lill-poplu Malti, jingħatawlu lura
Bejn għada t-Tnejn u nhar il-Ġimgħa li ġej il-Qrati Maltin mistenni jagħtu żewġ sentenzi ferm importanti wara proċeduri li fetaħ il-Partit Nazzjonalista.
L-ewwel sentenza hi fil-konfront tal-iżbilanċ sfaċċat mill-Public Broadcasting Services (PBS) favur il-Gvern Laburista u kontra l-istess Partit Nazzjonalista.
It-tieni sentenza hi biex tliet sptarijiet tal-poplu Malti – l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech misruqa mill-poplu fid-dawl tax-xemx – jerġgħu jingħataw lura lill-istess poplu Malti.
Dwar l-ewwel sentenza li mistennija tingħata għada, tkellimt ma’ Graham Bencini li hu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar ix-Xandir Pubbliku.
Graham Bencini fisser li għandna fil-pajjiż sitwazzjoni xejn sabiħa fejn għandna Xandir Pubbliku li hu maħkum mill-Gvern Laburista. Dan hu Xandir Pubbliku li hu ffinanzjat mill-poplu iżda l-Gvern Laburista qed jużah biex jimbotta l-propaganda tiegħu, biex jimmanipula lin-nies u biex iwassal lill-poplu biex jemmen dak li jrid biss il-Gvern Laburista.
Graham Bencini fisser li dan mhux qed jgħiduh l-Partit Nazzjonalista biss. Fil-jiem li għaddew inħareġ rapport fuq l-indiċi tal-perċezzjoni tal-korruzzjoni u waħda mir-raġunijiet għaliex pajjiżna jinsab fl-agħar post f’dan l-indiċi, fejn komplejna neżlin ’l isfel mis-sena l-oħra, hi proprju għaliex għandha Xandir Pubbliku kkontrollat mill-Gvern.
“Biex nikkonfermaw dan ix-xenarju kollu ġara li dan l-istess rapport spiċċa kien iċċensurat mill-Public Services Limited u kelli nagħmel ilment uffiċjali bħala l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ix-Xandir Pubbliku. Iva għamilt ilment uffiċjali mal-Awtorità tax-Xandir għaliex affarijiet bħal dawn huma inaċċettabbli f’suppost soċjetà demokratika.
Graham Bencini temm li issa għada l-Qorti mistennija tagħti din is-sentenza tagħha fl-Appell u “qed nantiċipa li l-Qorti, fid-deċiżjoni tagħha, se tagħti għal darba oħra raġun lill-Partit Nazzjonalista għas-sempliċi raġuni li dak li qed jgħid hu stat ta’ fatt, ċioè li l-Xandir Pubbliku qed jaġixxi b’mod żbilanċjat favur il-Gvern Laburista u kontra l-Partit Nazzjonalista.”
Dwar it-tieni sentenza, li mistennija tingħata nhar il-Ġimgħa li ġej, tkellimt ma’ Adrian Delia li hu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar it-Trasport, il-Mobilità, l-Avjazzjoni u l-Proġetti Kapitali.
Adrian Delia fisser li din mhix biss kawża legali ġewwa l-Qrati ta’ pajjiżna. Din mhix biss waħda mill-akbar, jekk mhux l-akbar f’dak li hu ammont, tal-kuntratt magħmul mill-Gvern Laburista, li qed ikun attakkat fil-Qrati. Imma din hi saħansitra ġlieda għall-isptarijiet u eżattament tliet sptarijiet tal-poplu Għawdxi u Malti li qiegħed nipprova, anzi li ili snin niġġieled, biex jingħataw lura lill-poplu tagħna.
Insustanza l-kwistjoni hi l-ewwel li kien hemm ftehim sigriet qabel ma kien biss kienet pubblikat is-sejħa għall-offerti dwar it-tliet sptarijiet. Din fiha nnifisha diġà hi illegali.
It-tieni li l-Gvern Laburista, minkejja li wiegħed li se jġib investiment world class fis-settur tas-saħħa, ta t-tliet sptarijiet tagħna lil kumpanija li kien ilha mwaqqfa xahar biss, kellha kapital ta’ €1,000 biss, ma kellhiex ġurnata waħda biss esperjenza fis-settur mediku jew tas-servizzi tas-saħħa u s-sidien ta’ din il-kumpanija ma kenux magħrufa.
It-tielet punt hu li wara li ngħata dan il-kuntratt, l-istess kumpanija Vitals ma wettqet assolutament xejn mill-obbligi tagħha. Mhux biss sa dakinhar, imma, issa kif jaf kulħadd, saħansitra sa llum.
Ir-raba’, wara dan kollu u wara li ftaħt il-kawża biex l-isptarijiet ikunu ritornati lill-poplu Għawdxi u Malti, bl-aktar mod sfaċċat, abbużiv u illegali, l-istess kumpanija marret minn wara dahar kulħadd biex laħqet ftehim sigriet ieħor mal-Gvern Laburista biex anki jekk il-Qorti
tgħid li hi għandha tort, xorta l-Gvern Laburista jħallasha mitt miljun ewro mill-flus tal-poplu tagħna.
Adrian Delia kompla li jekk qatt kien hemm deal korrott u frawdalenti kif saħansitra ddeskrivewh Stewart innifishom, dan hu proprju dan il-kuntratt.
Fid-dawl ta’ dan kollu minflok mal-Gvern Laburista, inkluż il-Prim Ministru dak iż-żmien Joseph Muscat u llum Robert Abela, iddefendew l-interessi tal-poplu tagħna, għażlu minflok li sal-aħħar nifs jibqgħu jiddefendu lil dawn il-barranin fl-aktar deal korrott fl-istorja li ma nvestew xejn minn dak li suppost kellhom imwiegħed, temm Adrian Delia.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu tkellimt ukoll ma’ Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li qal li l-Partit Nazzjonalista jħares lejn il-Qrati bħala istituzzjoni mill-aktar importanti u li għandhom ir-rwol importanti li jissalvagwardaw id-drittijiet u s-sewwa f’pajjiżna.
Fis-sentenzi li mistennija jingħataw fil-ġimgħa li ġejja, wieħed jistenna li l-Qrati jerġgħu jsibu lill-Public Broadcasting Services u lill-Awtorità tax-Xandir ħatja ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-Partit Nazzjonalista u li fil-kawża tal-Ġimgħa l-Qrati jordnaw li jingħataw lura lill-poplu Malti t-tliet sptarijiet pubbliċi misruqa mill-Gvern Laburista mingħajr skrupli ta’ xejn.
Michael Piccinino kompla li fuq livell politiku l-Partit Nazzjonalista jistenna u jesiġi li l-individwi kollha wara d-deċiżjonijiet skandalużi ielatati ma’ u wara dawn il-kawżi jħallsu l-prezz politku ta’ dawn id-deċiżjonijet tagħhom biex hekk issir tassew ġustizzja mal-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>