Il-Viċi President Amerikana Kamala Harris qalet li l-Istati Uniti iddikjarat formalment li r-Russja wettqet reati kontra l-umanità fl-Ukrajna.
Meta tkellmet fil-Konferenza tas-Sigurtà ta’ Munich, is-Sinjura Harris akkużat lir-Russja b’“atti makabri ta’ qtil, tortura, stupru u deportazzjoni” mill-invażjoni tagħha.
Il-mexxejja dinjija fil-konferenza talbu għal appoġġ fit-tul tal-Ukrajna.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Rishi Sunak, minn naħa tiegħu qal li issa huwa ż-żmien li l-appoġġ militari jirdoppja.
Sunak sostna li l-alleati tal-Punent iridu jibdew jippjanaw għas-sigurtà futura tal-Ukrajna, kif ukoll jibagħtu l-armi li għandha bżonn biex tiddefendi lilha nnifisha, issa.
Il-konferenza fil-Ġermanja qed issir hekk kif qed joqrob l-anniversarju ta’ sena mill-invażjoni sħiħa tar-Russja, fl-24 ta’ Frar.
Waqt il-konferenza, Harris qalet li dawk li wettqu l-allegati reati Russi fl-Ukrajna jridu jinżammu responsabbli.
“L-azzjonijiet tagħhom huma attakk fuq il-valuri komuni tagħna u l-umanità komuni tagħna,” saħqet Harris.
In-Nazzjonijiet Uniti tiddefinixxi reati kontra l-umanità bħala “attakk mifrux jew sistemiku” fuq popolazzjoni ċivili partikolari.
Ir-Russja ripetutament ċaħdet li kienet fil-mira taċ-ċivili waqt l-invażjoni tagħha.
“Fil-każ tal-azzjonijiet tar-Russja fl-Ukrajna eżaminajna l-evidenza, nafu l-istandards legali, u m’hemm l-ebda dubju: dawn huma delitti kontra l-umanità,” qalet Kamala Harris.
Hija semmiet atroċitajiet “barbari u inumani” waqt il-gwerra fl-Ukrajna, inklużi il-kwantita’ ta’ katavri misjuba f’Bucha ftit wara l-invażjoni u l-bumbardament ta’ teatru f’Mariupol
“Ejja lkoll naqblu: f’isem il-vittmi kollha, kemm magħrufa kif ukoll mhux magħrufa, li għandha ssir ġustizzja,” tenniet Harris.
//= $special ?>