Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Tħassib dwar l-għajnuna potenzjali taċ-Ċina lil Vladimir Putin

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken żvela li ċ-Ċina qed tikkunsidra li tipprovdi l-armamenti u l-munizzjon lir-Russja bil-ħsieb li s-suldati tal-Kremlin jiksbu aktar suċċessi fuq il-kampijiet tal-battalja.

F’każ ta’ konferma, din l-għajnuna militari għandha teskala sew il-gwerra fl-Ukrajna li tagħlaq sena proprju nhar il-Ġimgħa, l-24 ta’ Frar.

Blinken qal lil CBS News li l-kumpanniji fiċ-Ċina diġà qed jipprovdu l-appoġġ ‘mhux ta’ tip letali’ lir-Russja u meta issa hemm indikazzjonijiet li l-għajnuna, ‘il quddiem, tista’ tingħata anki minn aspett militari.

Is-Segretarju Blinken kompla li sitwazzjoni fejn iċ-Ċina għandha tgħin militarment lir-Russja bla dubju għandha tirriżulta ‘f’konsegwenzi serji’ għall-komunisti f’Beijing’.

Fl-istess ħin, Blinken, fl-aħħar tal-ġimgħa, iltaqa’ mad-diplomatiku ewlieni taċ-Ċina Wang Yi waqt il-Konferenza tas-Sigurtà fi Munich, fil-Ġermanja. Intant hu esprima miegħu il-preokkupazzjoni kbira li ċ-Ċiniżi jistgħu jibgħatu dalwaqt il-materjal tal-gwerra lir-Russja li tilfet ammont inkredibbli ta’ suldati u tagħmir militari fi kważi tnax-il xahar ta’ konflitt mal-Ukreni.

Dan minkejja li l-President taċ-Ċina, Xi Jinping – li hu alleat kbir tal-President Russu Vladimir Putin – sallum ipprova jibqa’ newtrali fil-konflitt filwaqt li appella għall-paċi. Madankollu hu anki sinifikanti li Jinping fl-ebda żmien ma kkundanna l-invażjoni tal-Ukrajna indipendenti mill-qawwiet tal-Kremlin.