Il-Karnival spontanju tan-Nadur kompla lbieraħ filgħaxija bit-tieni jum tiegħu fil-pjazza ewlenija u t-toroq prinċipali tan-Nadur. It-temp sabiħ kompla jagħmel kuraġġ lin-nies li għal darba oħra attendew bl-eluf kbar biex ħonqu n-Nadur. Xejn ma żamm lin-nies milli jipparteċipaw f’dan il-Karnival Spontanju fejn fih rajna minn kull tip ta’ kostumi, karattri u sitwazzjonijiet li wieħed jarahom biss fl-ispontanjetà tal-Karnival Spontanju Naduri.
Ilbieraħ kellna wkoll numru mhux żgħir ta’ karrijiet kbar u żgħar li tista’ tgħid missew kull tema popolari bħalissa bħalma huma pereżempju l-fish farms u l-legalizazzjoni tal-kultivazzjoni tal-Cannabis.
Ta’ min jinnota b’sodisfazzjon, li filwaqt li dan hu Karnival Spontanju, kollox mar sewwa, mingħajr inċidenti u b’mod li kull min attenda żgur li mar id-dar jorqod b’nota ferreħija u bi tbissima. Baqa’ tlett ijiem u wieħed iħares ’il quddiem għal iktar briju, ilwien, xalar, kostumi u sitwazzjonijiet umoristiċi li jagħmlu l-Karnival tan-Nadur dak li hu u tant popolari. Ma kull ġurnata nistgħu dejjem ngħidu li “l-kbir għadu ġej!!”
