Internazzjonali

Il-Konferenza ta’ Munich: Ir-Russja akkużata dwar reati tal-gwerra

Il-Konferenza ta’ tmiem il-ġimgħa fi Munich laqqgħet lill-Mexxejja tad-dinja li fost oħrajn wiegħdu biex iħaffu t-trasport tal-armamenti lill-Ukreni ħalli jiddefendu ruħhom aħjar kontra l-aggressjoni tar-Russja. Fl-istess ħin, ‘il quddiem, mistennija l-impożizzjoni  tas-sanzjonijiet ġodda u aktar iebsa għall-Kremlin ta’ Moska.

Min-naħa tagħha, il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Kamala Harris qalet li pajjiżha ‘iddetermina formalment’ li r-Russja wettqet ir-reati tal-gwerra kontra l-poplu fl-Ukrajna.

F’diskors waqt il-Konferenza, Harris akkużat lir-Russja ‘dwar azzjonijiet sfaċċati ta’ omiċidju, tortura, stupru u deportazzjoni’ waqt l-invażjoni tal-Ukrajna – b’Moska tiċħad l-akkużi fost il-kummenti li l-Amerikani qed jippruvaw ipittru lir-Russja bħala ‘xi Stat imxajtan’.

Intant, il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, qal – waqt li kien qed iwieġeb lill-istampa Franċiża — li ma jixtieqx li jara lir-Russja ‘imkissra u umiljata’ anki jekk hemm il-ħtieġa li r-Russi jispiċċaw megħlubin f’din il-gwerra. Macron anki qed jistenna li l-gwerra fl-Ukrajna ġġebbed fit-tul ħafna u fejn awgura li l-Ukreni jkomplu jirreżistu b’suċċess għall-attakki tar-Russja.

Tkellem ukoll il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Rishi Sunak, li qal li wasal iż-żmien biex il-Punent jirranka l-appoġġ lill-Ukrajna waqt li jippjana għall-futur. Sunak anki ħeġġeġ mill-ġdid biex l-armamenti mill-Punent ma jdumux ma jaslu lill-Ukreni li qed iħejju għal dejjem aktar offensivi mit-truppi tal-Kemlin.