Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Pyongyang jesprimi r-rabja b’aktar provi tal-missili

Il-pajjiżi tal-Asja, bħalissa, qed jevalwaw sitwazzjoni ferm sensittiva fir-reġjun wara li l-Korea ta’ Fuq komunista sparat missila ballistika interkontinentali (ICBM) bħala prova – b’din il-missila ddum fl-ajru għal ftit aktar minn siegħa qabel niżlet fil-Baħar tal-Ġappun.

L-isparatura seħħet xi jiem wara li r-reġim fi  Pyongyang organizza dimostrazzjoni tal-ICBMs – jew missili li jwasslu fuq id-distanzi kbar – waqt l-akbar parata militari tas-sena fil-kapitali.

Intant, proprju sigħat qabel l-isparatura, il-Korea komunista ħarġet it-theddida dwar ‘ritaljazzjoni mill-aktar qawwija’ fost ir-rabja ta’ Pyongyang għall-eżerċizzji militari konġunti li qed iħejju l-qawwiet tal-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti.

L-eżerċizzji annwali tar-rebbiegħa suppost li jibdew ix-xahar id-dieħel bħala ‘messaġġ’ lill-Korea ta’ Fuq li qed iżżid it-theddid dwar in-nukleari fil-pussess tagħha.

Min-naħa tiegħu, Pyongyang jinsisti li l-eżerċizzji tal-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti huma, fil-fatt,’tħejjija għall-invażjoni tal-Korea ta’ Fuq’.

Il-missila sparata mill-Korea ta’ Fuq fi tmiem il-ġimgħa kienet l-ewwel waħda minn Jum l-Ewwel tas-Sena u skont l-aħħar indikazzjonjiet, din niżlet fil-Punent ta’ Hokkaido u fiz-zona ekonomika esklussiva tal-Ġappun.