Lokali

Il-Pulizija ssalva missier milli jneħħi ħajtu b’idejh wara li dan skopra sekwestru ta’ €26,000

Storja ta’ swied il-qalb maqsuma ma’ Il-Mument minn sieħba ta’ missier li fil-jiem li għaddew, b’kumbinazzjoni, skopra li f’Novembru li għadda l-Qorti Ċivili qatgħet sentenza u ordnatlu jħallas lil eks mara tiegħu s-somma ta’ xejn inqas minn €26,000 għal mantenimenti li skont il-Qorti qatt ma tħallsu.

Is-sieħba ta’ dan il-missier tkellmet ma’ Il-Mument u stqarret li ħajjithom – għandha żewġt itfal minn tiegħu – hi diġà waħda diffiċli ħafna biex ilaħħqu mal-ispejjeż, mal-għoli tal-ħajja u ma’ impenji oħrajn. “Imma issa saret impossibbli u ma nafx x’se jiġri minna lkoll.”

Qalet li ndunaw b’dan is-sekwestru litteralment b’kumbinazzjoni hekk kif ftit tal-jiem ilu hi marret tiġbed xi flus mill-ATM u s-sistema ma ħallithiex tiġbed il-flus li kellha bżonn. L-għada marret il-Bank inkwistjoni u hemmhekk qalulha li kellha sekwestru ta’ xejn inqas minn €26,000!

Din il-mara ‘ġġennet’ b’din l-aħbar xejn mistennija mogħtija lilha għaliex ma setgħetx tifhem x’kien ġara. Hi għamlet kuntatt mas-sieħeb tagħha li litteralment ma kien jaf assolutament xejn x’kien ġara.

Jaf li kienu għaddejjin proċeduri fil-Qorti minn eks mara tiegħu fil-konfront tiegħu, iżda ma kellu l-ebda idea fiex waslu l-proċeduri għaliex kull darba li kien jistaqsi lill-Avukat li kien jidher għalih, dan dejjem qallu li kollox f’idejh u li ma kellux għalfejn jitħasseb.

Mhux biss, iżda kull darba li dan il-missier kien jistaqsi meta kien se jkollu l-opportunità li jidher quddiem l-Imħallef biex jiddepożita x-xhieda tiegħu, dan l-Avukat dejjem wiegħdu li meta jkun il-waqt kien se jinformah biex jitla’ jixhed.

Ġara li issa rriżulta li l-kawża nqatgħet f’Novembru li għadda u l-Imħallef konċernat, fid-deċiżjoni tagħha, sabet lil dan il-missier ħati – fosthom li ma tax il-manteniment lil eks mara tiegħu – u ordnat is-sekwestru ta’ €26,000.

Is-sieħba ta’ dan il-missier qalet lil Il-Mument li s-sieħeb tagħha dejjem assiguraha li dejjem ħallas il-mantenimenti kollha dovuti lil eks mara tiegħu. Anki jekk xi drabi xi ftit tard. Iżda dan dejjem assiguraha li dejjem ħallas kull manteniment u li fil-konfront tiegħu din l-eks mara kienet qed tigdeb u hu ma kellu l-ebda opportunità li jitla’ jixhed u li jsemma’ l-vuċi tiegħu.

Kien f’dan ix-xenarju ta’ ferneżija li dan il-missier ċempel lit-tifla l-kbira tiegħu mill-ewwel żwieġ, u qalilha li dakinhar kien l-aħħar darba li kienet se tisma’ leħnu. Din it-tifla fehmet li missierha kien se jagħmel xi waħda kbira u informat mill-ewwel lill-Pulizija li salvaw lir-raġel fil-ħin qabel ma seta’ jneħħi ħajtu b’idejh. Il-missier instab fi stat ta’ aġitament qawwi u għalhekk kellu jiddaħħal fl-Isptar Monte Carmeli għall-kura.

Sadattant grazzi għall-Avukat Francina Abela mit-tim ta’ assistenza legali maħluq mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, din is-sieħba ta’ dan il-missier ġabet kopja tas-sentenza mogħtija mill-Imħallef nhar it-22 ta’ Novembru li għadda u issa qed tara kif se tirrimedja mis-sitwazzjoni diffiċli li tinsab fiha.

L-Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ beda jgħin lil din l-omm li issa għandha theddida fuq rasha fir-rigward tal-kera li trid tħallas minħabba li hi m’għandha l-ebda dħul. Barra minn hekk it-tim tad-Deputat Ivan Bartolo wkoll qed jgħin lil din l-omm, inkluż permezz ta’ xirjiet ta’ oġġetti essenzjali, inkluż ikel għat-tfal żgħar tagħha u ħrieqi.

L-appell permezz ta’ Il-Mument hu biex jekk ikun hemm min ikun irid jgħin lil din il-familja fi kriżi serja ħafna, allura jagħmel dan billi jikkuntattjana u aħna ngħidulu xi jrid jagħmel biex jgħin lil din il-familja li tinsab litteralment daharha mal-ħajt u f’ċirkostanzi tassew diffiċli.