Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Il-ġurnaliżmu ħieles taħt theddida mill-Iran

L-istazzjon televiżiv Iran International – li hu network tax-xandir indipendenti – issospenda l-ħidma tiegħu fir-Renju Unit minħabba t-theddid persistenti tal-Iran kontra l-ġurnalisti tal-istazzjonli hu bbażat f’Londra.

Kelliema għall-istazzjon, li jxandar bil-Persjan, spjegaw li d-deċiżjoni ttieħdet minħabba ‘l-eskalazzjoni sinifikanti tat-theddid mill-Istat Iranjan’.  U f’din is-sitwazzjoni ma baqax possibbli li l-ġurnalisti u l-ħaddiema mal-istazzjon jibqgħu protetti mill-periklu ‘ċar u reali’.

Għaldaqstant, l-Iran International, se jkompli jxandar mill-uffiċini tiegħu f’Washington, il-kapitali tal-Istati Uniti.

Il-Pulizija Metropolitana ta’ Londra, sadanittant, qalet li mill-bidu tal-2022 ‘il hawn kienu kontrollati talanqas ħmistax il-kumplott għall-ħtif jew l-eliminazzjoni ta’ individwi bażati fir-Renju Unit li meqjusa bħala ‘għedewwa’ tar-reġim Iżlamiku fundamentalista li ilu jmexxi lill-Iran mill-aħħar tas-sebgħinijiet.