Il-ħolma tiegħi u l-ħolma tiegħek għandha tkun li ngħixu fejn issaltan il-Ġustizzja Soċjali – Ivan Bartolo, Deputat Nazzjonalista u Kelliem dwar il-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Akkomodazzjoni Soċjali
“Issewwed qalbek meta dawn l-inġustizzji jsiru minn Malti kontra Malti ieħor; minn bniedem kontra bniedem, forsi għax għandu kulur differenti.
Min qed joħloq l-inġustizzji, irid jagħti kont lil Alla. Bħal donnu xi wħud jaħsbu li meta tifred se takkwista xi privileġġ? Dan hu tradiment u velenu għall-ġustizzja soċjali. It-taqtigħa kontra l-inġustizzja hi ġlieda kontra l-għaqda nazzjonali.
Meta l-ġid komuni jiġi ssagrifikat fuq l-artal tal-egoisti, li mdawra miegħu ssib il-ftit mostri għatxana u mimlija kilba, allura jiddispjaċini ngħid li għandna stat marid. Aħna rridu nwasslu l-messaġġ favur il-Ġustizzja, li wieħed jieħu dak li hu bi dritt tiegħu għax ħaqqu jieħdu. Meta jinbed il-velenu tal-korruzzjoni, tal-gideb, tal-preferenzi, tat-tfesfis, innaqsu mid-dinjità tal-bniedem, iġġelled bnedmin bejniethom u joħloq kunflitti ġodda soċjali.”
Din id-dikjarazzjoni qawwija għamilha miegħi d-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo li hu l-Kelliem dwar il-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Akkomodazzjoni Soċjali, meta fil-jiem li għaddew iltqajna u tkellimna fit-tul dwar din l-inizjattiva sabiħa tiegħu biex jindirizza l-kwistjoni tal-Ġustizzja Soċjali proprju fl-okkażjoni tal-Jum il-Ġustizzja Soċjali li se jkun iċċelebrat għada t-Tnejn, 20 ta’ Frar.
Ivan Bartolo beda biex spjegali li din is-sena hu u t-tim tiegħu f’isem il-Partit Nazzjonalista u flimkien mal-Partit qed jorganizzaw kampanja proprju minn għada l-20 sas-26 ta’ Frar bil-għan li jqajmu aktar kuxjenza dwar il-Ġustizzja Soċjali.
Dan hu l-jum li b’xi mod imiss lil kulħadd għax ngħiduha kif inhi, kulħadd iħoss li xi darba jew oħra saret inġustizzja miegħu f’ħajtu.
Matul din il-ġimgħa se nfakkru l-Ġustizzja Soċjali fejn se nwasslu xi stejjer partikolari biex nuru u nfakkru li f’pajjiżna mhux kollox miexi ward u żahar.
Matul din il-ġimgħa se nippruvaw infakkru li l-ġid tad-dinja mhux imqassam b’mod ġust u li wħud għandhom aktar milli jeħtieġu, filwaqt li hemm oħrajn li huma mwarrba u esklużi, qed jgħixu fil-faqar u fl-inċertezza u ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja, fisser Ivan Bartolo.
Naturalment m’għandniex bżonn lil min ifakkarna dwar din ir-realtà. Minkejja li bbumbardjawna li kollox miexi ħarir, jidher biċ-ċar li l-faqar hu realtà u li hemm uħud fostna li qegħdin jitħabtu biex jgħixu. Minkejja l-ġid relattiv tagħna, numru dejjem akbar ta’ bnedmin qed jiġu mċaħħda mis-servizzi bażiċi u mhux isibu l-appoġġ meħtieġ.
Hemm min anqas jinduna bid-dinja ta’ madwaru sakemm storja fl-aħbarijiet theżżeż pajjiż, imqar għal ftit mumenti. Imma anqas dawn l-aħbarijiet ma jfakkruna li mhux kollox miexi sew. Il-ħafna forom ta’ esklużjoni u inġustizzji huma marbuta flimkien b’“ħajta li ma tidhirx.”
Tkellimna wkoll dwar il-ħtieġa ta’ bidla bl-azzjoni u anki fil-mentalità u Ivan Bartolo fisser li jeħtieġ li nindunaw li d-drittijiet tal-bniedem huma mgħakksa u l-ambjent ta’ madwarna qed ikun mhedded kontinwament. Jeħtieġ li nikxfu fejn il-ġid mhux jitqassam b’mod ġust.
Hu kompla li matul din il-ġimgħa se nippruvaw nilħqu kemm nifilħu bnedmin. Imma dan qatt mhu biżżejjed. F’din il-ġimgħa se nippruvaw nixprunaw biex naħdmu għal dinja fejn kull persuna hi stmata u ħadd mhu kkunsidrat ‘għar-rimi’ jew ikkunsidrat li jeżisti għax hawn il-wisa’.
Nieqfu nirriflettu wkoll fuq kemm l-imġiba tal-Maltin u l-Għawdxin qed tkun ġusta fit-trattament ta’ dawk li jkunu qed jegħrqu. Mhux dejjem l-imġiba tkun waħda solidali u min jaf kemm-il darba jkun hemm min idawwar wiċċu n-naħa l-oħra, jew agħar minn hekk, inkomplu ngħoddsuhom ’l isfel.
Ejjew nirrikonoxxu li wħud jitwieldu bi privileġġi fuq ħaddieħor permezz taċ-ċirkostanzi tal-ħajja u mhix sempliċiment kwistjoni li tgħin lilek innifsek biex ittejjeb is-sitwazzjoni tiegħek.
Mistoqsi dwar it-temi li se jkunu trattati matul din il-ġimgħa ta’ attivitajiet, Ivan Bartolo, filwaqt li staqsa kemm fadal xi jsir minkejja li qegħdin fl-2023, kompla li kemm kienet għaqlija l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda meta fl-2007 għażlet l-20 ta’ Frar bħala l-Jum Dinji għall-Ġustizzja Soċjali. Din it-tama mhix xewqa vojta jew il-ħolma ta’ ottimist, iżda hi dritt li aħna l-bnedmin ta’ rieda tajba jeħtieġ li nwettquha u nagħmluha realtà!
Nistgħu nagħmlu dan billi l-ewwel nett neżaminaw l-għażliet tal-istil ta’ ħajja tagħna u billi nsiru iktar sensittivi għall-ħtiġijiet tal-oħrajn u billi nirrifjuttaw stili ta’ ħajja egoisti u niftakru fil-bażi tad-dinjità tal-bniedem.
Se nippruvaw li permezz ta’ roundtable discussion, jew permezz ta’ konferenza, u anki saħansitra fuq il-mezzi tal-midja, inwasslu diversi suġġetti marbuta mal-Ġustizzja Soċjali.
Bla dubju rridu nitkellmu wkoll fuq kull min għandu tikka poter f’din id-dinja u jinxtara. Aħna fid-dmir li ma nħallux ċertu sitwazzjonijiet taħt it-tapit u nwasslu l-messaġġ li hu fid-dmir li jwieġeb lill-poplu.
Irridu nitkellmu dwar dawk li qed jużaw lill-bniedem għall-qligħ tal-profitt. Aħna rridu nitkellmu dwar id-dinjità tal-bniedem qabel il-fruntieri. Id-drittijiet tal-bniedem qabel il-feel good effect, tal-karità biex inserraħ il-kuxjenza, jew agħar minn hekk, tal-karità biex nidher.
Aħna se nippromwovu li twettaq il-ġustizzja meta għandek il-poter u li ma titkabbarx fuq l-oħrajn, meta ma tmiegħekx lil ta’ madwarek taħt saqajk u ma tikkalpesta lil ħadd. Hawn min jgħaddi minn dan kollu u għax umani jimtlew rabja u r-rabja ma tħallihomx jorqdu. Min hu responsabbli ta’ dn irid jagħti kont t’għemilu.
Fostna l-Maltin hemm min jagħti l-impressoni li hu xempju tal-Ġustizzja Soċjali. Jemmnu wisq fihom infushom, jemmnu fil-bravura tagħhom, jemmnu li huma mlibbsa bil-virtujiet, jemmnu li l-ġustizzja li jwettqu tinsab fil-kurazza tagħhom.
Forsi b’dan għadni ma ndunajtx. Jiddisjaċini li ma skoprejtx dan. Imma jekk fil-kurazza tagħhom hemm il-ġustizzja, żgur li dawn qed iġorru kurazza mtaqqba. Għax meta s-suppervja titla’ għar-ras, il-kurazza tittaqqab u ma ddumx ma ddub.
Irridu nippromwovu wkoll biex quddiem l-inġustizzji ma nħarsux in-naħa l-oħra biex taparsi ma rajna xejn, għax ma rridux inkwiet. Quddiem l-inġustizzji rridu nitkellmu u nirreaġixxu b’reazzjoni ċivili imma soda. Quddiem l-inġustizzji ma rridux nibżgħu. Meta tieħu passi kontra l-inġustizzji tkun strument tal-ġustizzja u tal-ordni.
Matul din il-kampanja rridu tabilħaqq inwettqu valuri nobbli. U dawn il-valuri jibqgħu fina tul ħajjitna kollha. Irridu nkunu fuq quddiem għad-difiża taż-żgħir imwarrab u tad-dgħajjef.
Ħdimt kemm flaħt għal sigħat twal biex din il-kampanja qasira tkun attraenti kemm tista’. Ħadt pariri professjonali biex inżommuha rikka u mmirata biss biex pajjiżna jaħseb biss fil-ġid komuni. Il-kontribut tagħna lejn pajjiżna meta tagħmel id-dover tiegħek b’kuxjenza safja. Fjamma żgħira ssir ħuġġieġa, imma taf ukoll taħraq kollox.
Il-bnedmin ikejlu lil qalbek, skont kemm int ġust. Skont kemm int qalbek tajjeb. Skont kemm int ġenwien. Hemm bżonn ninsistu u nistinkaw għal ġustizzja soċjali, għax inkunu qed inħejju bażi u nistabbilixxu minn qabel gżira tal-paċi, li fiha tieħu gost tgħix.
Aħna tikka ċkejkna f’nofs il-Baħar Mediterran. Aħna għandna aktar opportunità li nibżgħu għal xulxin u allura aktar ċans li nwettqu l-ġustizzja soċjali.
Ippermettili nagħmel diversi appelli fosthom lill-qarrejja ta’ Il-Mument biex inkunu qaddejja tal-ġustizzja soċjali u hekk rasna tkun merfugħa ’l fuq bil-ġieħ. Jekk b’fommok biss tgħid li int devot tal-ġustizzja soċjali, imbagħad l-atteġġjament tiegħek ikun ta’ dannu biex tbaxxi d-dinjità ta’ persuna oħra, tkun giddieb, jew lanqas biss taf xi tfisser ġustizzja soċjali.
Meta tirraġuna jintlaħaq il-ġid komuni u hawn ukoll tkun pilastru tal-ġustizzja soċjali. Dmirna hu wkoll li jekk inħobbu l-ġustizzja soċjali u nkunu nafu min qiegħed jinħeba, dmirna hu li titwettaq ġustizzja u mmorru għand l-awtoritajiet konċernati. B’hekk inkunu qegħdin nibżgħu għal xulxin.
Il-ħolma tiegħi hi l-ħolma tal-bnedmin ta’ rieda tajba, li ssaltan il-ġustizzja soċjali. Tgħiduli “qed toħlom”. Biex veru jseħħ dan, ma fadalli xejn ħlief ngħidlek “oħolmu miegħi”.
Aħna favur il-ġustizzja soċjali. Ma jistax ikun li nċedu għall-kultura tal-qtil. Ma nistgħux naċċettaw dak li hemm min qed isejjaħlu dritt fundemantali li tagħżel jekk tarbija fil-ġuf għandhiex tinqatel jew le.
Ġustizzja soċjali tħares ukoll il-ġenerazzjonijiet li għadhom ma tweldux. Dan ukoll se niddiskutuh f’din il-kampanja.
Ippermettili wkoll nagħmel it-tieni appell: Agħtu sapport lil kull min jemmen fil-ġustizzja soċjali. Il-poplu tagħna jaf jagħraf min huma dawn. Agħtuna s-sapport biex qatt ma ngħejjew fir-rwol li afdati fih, biex ma nibżgħux inkunu l-għajnejn, il-widnejn u l-vuċi tal-poplu li għaddej minn xi forma ta’ inġustizzja.
Anki jekk tixtieq tagħti daqqa t’id f’din il-kampanja, forsi sempliċiment tattendi għal xi konferenza. Hawn ukoll tkun qed tagħti xhieda bil-preżenza tiegħek.
Soċjetà mingħajr ġustizzja soċjali tmut, għax hi bħal qisha kkundannata tħalliha bla ikel u xorb. Mingħajr il-ġustizzja l-ħajja mhix denja. Forsi xi wħud jarawna skaduti. Ulied id-dlam ma jaqblilhomx ikunu favur ġustizzja soċjali. Triq ħafifa li ssib ruħek fix-xbieki tal-korruzzjoni.
Eħfef li ssir parti minn dik il-politika ta’ ħokkli dahri biex inħokklok tiegħek. Dan kollu sirna nsejħulu kummerċ. Ġustizzja soċjali titwettaq meta nkunu retti fid-deċiżjonijiet li nieħdu u nesprimu preferenza għall-foqra u għal dawk li baqgħu lura fil-ħajja, temm id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.
//= $special ?>