Futbol Sport

Premier League Ingliż: Marcus Rashford mill-ġdid jibbrilla fir-rebħa ta’ Man Utd fuq Leicester

L-attakkant ta’ Manchester United, Marcus Rashford, skorja żewġ gowls fit-rebħa, 3-0, għar-Red Devils fuq Leicester City u għal tliet punti oħra li komplew jikkonsolidaw it-tielet post fil-klassifika għat-tim ta’ Erik ten Hag

Rashford, bħalissa, jinsab fil-forma ta’ ħajtu u d-doppjetta tiegħu mal-Foxes f’Old Trafford tfisser li hu issa skorja xejn anqas minn 24 gowl (mill-bidu tal-istaġun) biex ikkonferma ruħu bħala l-aktar attakkant prolifiku fl-Ewropa.

United sofrew tliet telfiet biss fl-aħħar 22 konfronti fil-kampjonat, b’Marcus Rashford anki jwaqqaf rekord ieħor bi 17-il gowl fit-18 il-logħba tal-league minn  wara t-Tazza tad-Dinja – u fejn hu stabbilit bħala l-aqwa skorer (attwali) fost il-ħames kampjonati Ewropej ewlenin.

L-ewwel gowl tal-attakkant wasal pjuttost kontra x-xejra tal-logħob u meta Leicester kellhom żewġ inkursjonijiet perikolużi quddiem il-lasta ta’ David de Gea bil-gowlkiper ta’ United isalva tajjeb fuq it-tentattivi mill-viċin ta’ Harvey Barnes u Kelechi Iheanacho.

Iżda l-iżblokk kellu jkun ta’ United – jew ta’ Rashford, li fil-25 minuta spiċċa żmarkat minn Bruno Fernandes fejn seta’ javvanza u, b’kalma kbira, jegħleb lill-gowlkiper Danny Ward b’xutt baxx għar-rokna.

U waqt li Leicester qasmu l-logħob u marru qrib il-gowl fl-ewwel 45 minuta, it-tieni taqsima produċiet dominju assolut mir-Red Devils – b’Rashford (56) jagħmilhom 2-0 fuq l-assist ta’ Fred u bil-gowl ikun ikkonvalidat mill-VAR wera li l-linesman inizjalment għolla l-bandiera għal offside.

Leicester minn dak il-ħin kienu tim demoralizzat, b’United jagħmluhom tlieta bl-isbaħ gowl tal-logħba skurjat minn Jadon Sancho (61) wara azzjoni veloċi li involviet erba’ plejers tar-Red Devils,

Intant, it-telfa tfisser it-tmiem tas-sekwenza pożittiva għal Leicester u wara li huma, il-ġimgħa l-oħra kienu ġabu fix-xejn lil Tottenham Hotspur bl-iskor ta’ 4-1. Il-Foxes, issa, jinsabu l-14 fil-klassifika tal-Premier Ingliż u meta huma, nhar is-Sibt jilqgħu lil Arsenal, il-liders tal-kampjonat, fil-King Power Stadium.

Sadnittant, United, issa, qegħdin jaħsbu fit-tieni leg tal-play-off tal-Europa League wara li huma, nhar il-Ħamis, spiċċaw fi dro, 2-2, ma’ Barċelona fin-Nou Camp. U nhar il-Ħadd li ġej, Manchester United iridu anki jilgħabu kontra Newcastle United fil-finali tal-Carabao Cup, li ssir f’Wembley Stadium.