Rugby Sport

Premier League Ingliż: Tottenham jaqbżu r-raba’ wara rebħa fuq West Ham fid-derby ta’ Londra

Tottenham Hotspur qabżu lil Newcastle United fir-raba’ post tal-klassifika b’rebħa. 2-0, fuq West Ham United fid-derby ta’ Londra li ntlagħbet f’The New White Hart Lane.

Filwaqt li Spurs, issa, lagħbu logħba aktar minn Newcastle, West Ham jinsabu f’inkwiet serju fiz-zona l-ħamra tal-Premier Ingliż u meta hemm anki dubji dwar il-futur ta’ David Moyes bħala manager tal-Hammers.

L-ewwel 45 minuta kienu pjuttost maqsuma, bl-aħjar ċans ta’ skor jaqa’ f’saqajn Jarrod Bowen li falla l-bersall bi ftit u b’Tottenham rari jkunu perikolużi quddiem il-lasta ta’ Lukasz Fabianski.

Madankollu, kollox inbidel fit-tieni taqsima, bil-‘breakthrough’ għal Spurs jasal fis-56 minuta meta Ben Davies għadda ballun fuq platt lil Emerson Royal, li waħdu quddiem Fabianski, ma żbaljax għall-1-0.

Minuti wara, Bowen mill-ġdid kellu opportunità tajba wara li żgiċċa lil Romero iżda x-xutt qawwi tiegħu kien salvat b’diffikultà minn Fraser Forster.

Lejn l-aħħar tal-logħba, il-captain ta’ Spurs Harry Kane – li kellu logħba pjuttost kwieta – għadda l-ballun lis-sostitut Son Heung-min li mill-ġdid sab ix-xibka għat-2-0 wara li kien ilu fil-grawnd biss għal erba’ minuti.

Il-gowl qata’ kull tama għall-Hammers li jsalvaw imqarpunt u – permezz ta’ din it-telfa — huma jinsabu fit-tmintax-il post tal-Premier Ingliż. Id-disfatta kienet anki  l-ewwel waħda għal West Ham wara ħames logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha.