Futbol Sport

Roma fit-tielet post b’rebħa fuq Verona… Rebħiet għal Juventus u Lazio

(Ritratt: EPA)

Fi Stadio Olimpico Roma kisbu rebħa mportanti ta’ 1-0 fuq Verona biex telgħu fit-tielet post tal-klassifika b’44 punt, punti daqs Milan u żewġ punti fuq ir-rivali Lazio. Il-gowl uniku tal-partita wasal fi tmiem l-ewwel taqsima meta Leonardo Spinazzola żmarka lil Ola Solbakken, b’dan tal-aħħar jixħet fix-xibka, biex skorja l-ewwel gowl tiegħu mal-club.

F’partita oħra Juventus għelbu lil Spezia bl-iskor ta’ 2-0 barra minn darhom u telgħu fis-seba’ post bi 32 punt. Juventus fetħu l-iskor fit-32 minuta meta l-cross ta’ Filip Kostic sab lil Moise Kean li b’konklużjoni preċiża xeħet fix-xibka għal 1-0. Juventus irdoppjaw fis-66 minuta meta din id-darba kien Angel Di Maria li b’konklużjoni minn barra l-kaxxa tefa’ fix-xibka għal 2-0.