Lokali

Tikber l-inċertezza dwar il-liġi tal-abort wara d-diskors ta’ Cressida Galea

“Inkomplu nħarsu s-saħħa tal-omm li tkun f’riskju”

Hekk sostniet id-Deputat u backbencher Laburista Cressida Galea waqt diskors li indirizzat f’attività tal-Labour fiċ-Ċentru Laburista fil-Birgu – diskors li ġie meqjus minn bosta bħala wieħed li kompla jżid l-inċertezza dwar il-liġi tal-abort li qed imexxi ‘l quddiem il-Prim Ministru Robert Abela.

Għad-differenza tal-ġimgħat preċedenti l-Labour issa mhux qiegħed jgħid li jrid jipproteġi s-saħħa tal-omm li tkun f’riskju gravi.

Fi tmiem il-ġimgħa l-Prim Ministru Robert Abela saħaq li għaddej b’laqgħat dwar dan is-suġġett…iżda sfortunatament minkejja li fl-1 ta’ Dicembru il-koalizzjoni ta’ 80 esperti, appoġġjati b’mod attiv minn aktar minn 25,000 persuna…“Inti Tista’ Ssalvani” kienet kitbet lill-Prim Ministru għal“laqgħa urġenti”, għadha s’issa bla tweġiba.

Intant il-Mexxej Laburista Robert Abela fl-indirizz tiegħu ma semma l-ebda sfida jew skandlu li fl-aħħar jiem, ġimgħat u xhur jinsabu fuq moħħ iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Robert Abela għażel li ma jindirizzax l-inkwiet li qed iberren fuq moħħ il-ġenituri u n-nanniet dwar is-sitwazzjoni ta’ sigurtà f’pajjiżna…minkejja li sa ftit tal-ġimgħat ilu huwa stess saħaq li ma jafdax lil bintu waħeda bil-Belt Valletta.

Għażel ukoll li ma jagħmilx aċċenn dwar l-isfida tal-għoli tal-ħajja, bl-ispejjeż kull ma jmorru qed jiżdiedu anke fix-xirjiet ta’ affarijiet bażiċi ta’ kuljum, injora għal kollox l-isfida li sewwieqa ta’ mini buses spiċċaw iħabbtu wiċċhom magħha…bl-introduzzjoni ta’ dik li qed tissejjaħ taxxa ġdida b’multi li jlaħqu l-€500.

Hekk kif il-jiem li ġejjin se jkunu jiem importanti għall-pajjiżna dwar il-każ tal-Vitals u l-isptarijiet li Gvern tal-Labour ta’ lill-privat….anke hawn il-Prim Ministru għażel li jdawwar wiċċu n-naħa l-oħra.

Minflok, Robert Abela għażel li jitkellem dwar il-grant ta’ €83.33 fix-xahar għal għaxar snin li ta lil first time buyers – minflok għażel li jattakka lill-Partit Nazzjonalista.

Ironikament matul id-diskors tiegħu huwa saħaq li huwa jmexxi Gvern li għandu għal qalbu r-ruħ soċjali u l-ġustizzja iżda naqas għal kollox milli jsemmi l-fatt li familja għada qed tistenna li ssir ġustizzja wara li żagħżugħ ta’ 20 sena tilef ħajtu taħt it-tiġrif ta’ 4 sulari mingħajr ħadd ma’ għadu ġie arrestat.

Qabel ma tkellem Robert Abela, il-backbencher Laburista Cressida Galea spjegat li marret iżżur l-imħażen tal-Karnival madanakollu naqset milli tindirizza l-fatt Gvern tal-Labour issa se jkun ilu jwiegħed wegħda lill-artisti tal-Karnival għal tal-inqas 11-il sena – ċioè il-famuż Villaġġ tal-Karnival li data ta’ meta se jibda x-xogħol fuqu dan il-Gvern għad m’għandux.