Lokali

Żball ieħor tal-Gvern li ħatar Perit fit-tmexxija ta’ awtorità pubblika meta kellha kunflitti ta’ interess

Sorsi infurmati fl-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni li fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ Il-Mument żvelaw magħna li fiċ-ċrieki tagħhom ilu jqum l-argument li l-Perit Maria Schembri Grima ma kellha tkun qatt appuntata mill-Gvern Laburista bħala l-President tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA).

L-argument prinċipali fil-konfront li hi qatt ma messha tpoġġiet f’dan ir-rwol sensittiv ġej mill-fatt li din il-Perit qatt ma setgħet tmexxi industrija daqstant sensittiva, iżda fl-istess waqt tibqa’ tkun ingaġġata b’mod regolari bħala Perit fi proġetti kbar u massiċċi minn żviluppaturi u minn sħab kummerċjali.

“Ma tistax tipprova taqdi lil Alla u lix-xitan fl-istess waqt. Trid tiddeċiedi u din il-ħatra kienet żbaljata sa mill-bidu nett tagħha,” qalulna sorsi infurmati li jafu tajjeb kif trid titħaddem l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni u x-xogħol – dejjem jekk wieħed irid jagħmlu bis-serjetà – li tirrikjedi Awtorità bħal din.

“Aħna konna sorpriżi sa mill-bidu nett li tħabbret din il-kariga għaliex il-Gvern żbalja meta mar għal din il-ħatra u naqset ukoll l-istess Perit li aċċettat li tilbes dan il-kappell li joħolqilha kunflitt ta’ interess dirett.”

Isem il-Perit Maria Schembri Grima aktar kmieni din il-ġimgħa spiċċa b’lenti fuqha hekk kif l-Awtorità li tmexxi hi stess kienet kostretta li twaqqaf xogħlijiet perikolużi ta’ twaqqigħ ta’ bini li jifforma parti minn proġett massiċċ li hi stess qiegħda tmexxi fil-kapaċità privat tagħha ta’ Perit tal-istess proġett.

Fid-dawl ta’ żviluppi fil-midja li ħarġu dwar negliġenzi fis-sigurtà tat-twaqqigħ ta’ din il-binja, liema filmati dehru wkoll fuq il-midja soċjali, din il-Perit ma kellha l-ebda alternattiva oħra li tirriżenja mill-kariga pubblika tagħha u l-Gvern, min-naħa tiegħu, li jaċċetta tali riżenja.

Fil-fatt filmati fuq il-midja soċjali wrew għadd ġmielu ta’ ġebel kbir, fosthom knatan imdaqqsa, jaqgħu minn mill-inqas ogħla aktar minn tliet mentri l-ħajt protettiv imtella’ u li allura rriżulta li dan ma kienx effettiv.

F’dan ir-rigward fil-fatt jidher li l-atteġġjament tal-Perit Maria Schembri Grima kien wieħed imbarazzanti ħafna anki fil-konfront tal-Gvern li oriġinarjament kien hu stess li ħatarha f’dan irwol importanti.

F’dan il-każ jirriżulta li l-Perit Maria Schembri Grima, fil-kapaċità privata tagħha, hi responsabbli minn proġett massiċċ li qed isir mill-iżviluppatur kontroversjali Għawdxi Joseph Portelli, flimkien ma’ terzi meqjusa bħala sħab kummerċjali tiegħu. F’dan il-każ ix-xogħlijiet inkwistjoni qegħdin isiru mill-kumpanija Portelli Excel Investments.

Il-kumpanija bħalissa qiegħda twaqqa’ l-bini li kienet tokkupa GO Exchange f’Birkirkara biex jinbena kumpless li jikkonsisti fi 11-il ħanut tal-bejgħ, 14-il maisonette, 96 appartament u 17-il penthouse kif ukoll żewġ livelli ta’ parkeġġ taħt l-art.

Jirriżulta li filwaqt li l-permessi għat-twaqqigħ tal-binja diġà nħareġ, il-permess għall-kostruzzjoni tal-kumpless – fil-biċċa l-kbira residenzjali – s’issa għadu pendenti.

Sadattant fi żvilupp ieħor l-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni ħarġet penali ta’ €10,150 lill-partijiet involuti fit-twaqqigħ ta’ din il-binja… €3,150 lill-iżviluppatur tal-proġett Excel Investiments; €2,000 lis-Site Techincal Officer David Muscat; u €5,000 multa lil Polidano Brothers, il-kuntrattur li tqabbad iwaqqa’ l-binja. Qabel ma jitħallsu l-penali kollha, ix-xogħol ma jistax jitkompla.

Diversi kienu l-istqarrijiet maħruġa dwar dak li ġara, fosthom mill-Kamra tal-periti li ħabbret li qed twettaq investigazzjoni dwar il-każ biex tiddetermina jekk kienx hemm negliġenza, prattiċi ħżiena jew ksur tar-regolamenti min-naħa ta’ xi perit li kien involut f’dan il-proġett.

Jekk xi perit jinstab li kiser l-istandards, il-persuna tista’ tkun imċanfra, teħel sospensjoni temporanja, jew saħansitra jiġi rrevokat il-warrant.

Min-naħa tagħha l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) ikkundannat l-imġiba ta’ ftit kuntratturi li qed jonqsu mir-rispett lejn is-soċjetà minħabba t-traskuraġni f’xogħolhom. Din l-imġiba qed ittappan ir-reputazzjoni ta’ dan is-settur u dawn il-prattiċi ħżiena ma jistgħux jibqgħu jkunu ttollerati.