Lokali

AĠĠORNATA: Anzjan iweġġa’ gravi wara inċident bejn żewġ karozzi u mutur

Anzjan Irlandiż ta’ 65 sena residenti l-Furjana weġġa’ gravi wara ħabta bejn żewġ karozzi u mutur fl-Imsida.

L-inċident seħħ it-Tnejn filgħodu għall-ħabta tal-10:30 fi Triq Rue D’Argens l-Imsida.

Il-Pulizija marret fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li seħħet ħabta bejn żewġ karozzi u mutur. Waħda mill-karozzi hija tal-għamla Suzuki Baleno u kienet qed tinstaq minn żagħżugħ Indjan ta’ 25 sena residenti Birkirkara filwaqt li t-tieni karozza hija Mercedes u kienet qed tinstaq minn Libjan ta’ 45 sena residenti l-Gżira. Dawn iż-żewġ sewwieqa ma ġarrbu l-ebda ġrieħi f’dan l-inċident. Il-mutur kien qed jinstaq mill-anzjan.

Ftit tal-ħin issejħet ambulanza li ħadet lill-anzjan ta’ 65 sena l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura.

Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.